Surġent Tal-Pulizija Mixli Bi Stupru Ta’ Mara Wara Li Rrapportat Li Ġiet Misruqa
Surġent tal-pulizija qed jinżamm arrestat wara li wieġeb mhux ħati li l-ġimgħa l-oħra stupra mara li allegatament ċemplet l-għassa wara li kienet sfat misruqa.
Allegatament bejn il-lejl tas-16 u s-17 ta’ April Glen Carabott ta’ 40 sena li hu surġent stazzjonat il-Qawra u ilu fis-servizz 18-il sena, irċieva rapport dwar serqa li seħħet. Allegatament hawnhekk huwa mar fuq il-post u kellu x’jaqsam b’mod sesswali mal-vittma mingħajr kunsens.
Allegatament fuq il-mobajl tas-Surġent instab filmat tal-istupru.
Il-prosekuzzjoni spjegat li wara dan l-inċident ma ddaħħal l-ebda rapport dwar is-serqa u lanqas ma skattat investigazzjoni biex jinġiebu lura l-affarijiet misruqa.
L-avukat tal-imputat talab għall-ħelsien, iżda l-prosekuzzjoni oġġezzjonat.
Il-Maġistrat Gabriella Vella ddeċidiet li t-talba tiġi miċħuda fid-dawl tar-reat, ix-xhieda tal-allegata vittma u minħabba li fadal aktar xhieda.