Aktar Aċċessibbilità Għat-Teatru Manoel – Jibda Xogħol Strutturali

 Aktar Aċċessibbilità Għat-Teatru Manoel – Jibda Xogħol Strutturali

Filwaqt li jinsab magħluq minħabba r-restrizzjonijiet tal-COVID-19, it-teatru nazzjonali ta’ Malta ħataf l-opportunità biex iwettaq xogħlijiet strutturali mingħajr interruzzjonijiet għall-udjenzi u l-artisti

It-Teatru Manoel beda xogħlijiet strutturali fuq l-Abbazija ta’ Navarre u t-teatru waqt li bħalissa jinsab magħluq minħabba r-restrizzjonijiet imposti minħabba l-pandemija tal-COVID-19.

Sa minn nofs Ottubru tal-2020, il-Manoel ospita aktar minn 50 rappreżentazzjoni differenti, kemm fuq il-palk kif ukoll online, inklużi diversi avvenimenti ta’ Toi Toi u rappreżentazzjonijiet relatati mal-ferm popolari Valletta Baroque Festival, filwaqt li għeleb id-diversi sfidi li ġabet magħha l-pandemija.

Meta t-Teatru għalaq il-bibien tiegħu minħabba l-aħħar restrizzjonijiet tal-COVID-19, it-tim ta’ Teatru Manoel ħadu d-deċiżjoni li jinbdew xogħlijiet strutturali li jistgħu potenzjalment ikunu ta’ xkiel għal udjenzi u artisti li jattendu t-teatru, b’hekk ġie evitat kwalunkwe inkonvenjent.

Il-proġett għandu l-għan li jipprovdi aċċessibilità aqwa kemm għall-Abbazija kif ukoll għat-teatru permezz tal-installazzjoni ta’ lift panoramiku, filwaqt li jtejjeb l-aċċess ġenerali għal kulħadd għaż-żewġ binjiet. Huwa mfassal ukoll biex jgħaqqad flimkien il-funzjonijiet kollha operattivi u amministrattivi tat-teatru f’post wieħed, filwaqt li jtejjeb l-esperjenza kollettiva kemm tal-ħaddiema kif ukoll tal-viżitaturi.

Ix-xogħlijiet tal-ewwel sular jinkludu uffiċċju tal-bookings ġdid, li se jakkomoda żewġ ħaddiema, u se jkun fih bank tal-irħam u xogħol tal-injam imfassal apposta. Żona għal esibizzjonijiet ġdida se tkun ukoll mgħammra b’xogħol tal-injam apposta li se tesebixxi kostumi, oġġetti u dokumenti relatati mal-istorja tat-Teatru Manoel. Il-viżitaturi u l-ħaddiema se jibbenefikaw ukoll minn żona ta’ kafetterija ġdida, kompluta skont l-aqwa kwalità li tixraq għall-entrata ta’ binja tant prestiġjuża u storika.

It-teatru storiku nnifsu se jsirulu xogħlijiet ta’ restawr, kemm fil-wiċċ tal-palk u kif ukoll fuq il-faċċata tal-post fejn iddoqq l-orkestra. Bl-istess mod, il-linfa u l-brazzi se jinbidlu għal linfa bajda tal-ħġieġ minfuħ ta’ Murano, fl-istil Rezzonico li jaqbel mal-arkitettura barokka tat-teatru.

Ix-xogħlijiet fuq l-ewwel sular tat-teatru se jestendu s-Sala eżistenti Maria Ghirlando, li se jkabbru b’mod sinifikanti l-kapaċità tagħha filwaqt li jipprovdu żona li tista’ tintuża għal kunċerti, provi, lezzjonijiet u laqgħat. Se jkun hemm ukoll żona ta’ bar mgħammra kompletament li se sservi dan is-sular, filwaqt li VIPs li jżuru t-teatru jistgħu jużaw kamra ġdida ddedikata għall-VIPs. Ix-xogħol ta’ kwalità għolja li jinsab fid-disinn ta’ din iż-żona jinkludi panewijiet tal-injam, soqfa dekorattivi tal-injam, bankijiet tal-irħam għall-barijiet, pavimentar tal-injam b’iżolament akustiku u xogħol fuq l-injam magħmul apposta.

Il-firxa sħiħa ta’ xogħlijiet ta’ restawr mistennija titlesta malajr kemm jista’ jkun u bl-aktar mod effiċjenti possibbli, biex it-Teatru Manoel ikun jista’ jilqa’ lura l-udjenzi fl-ispazju ġdid l-aktar kmieni possibbli. Aktar informazzjoni rigward it-Teatru Manoel tista’ tinsab online fuq www.teatrumanoel.com.mt.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com