“Qed Insaħħu Lill-Ħaddiem Bl-Inizjattivi Li Nieħdu Ta’ Kuljum’ – Il-PL
L-aħħar jiem reġgħu kienu xhieda oħra ta’ Gvern li jaħdem ta’ kuljum biex isaħħaħ il-ħaddiem. Kien b’inizjattivi li ttieħdu ta’ kuljum li l-kwalità tal-ħajja tal-ħaddiem Malti kienet salvagwardjata anke fi żmien ta’ pandemija. Hekk intqal fi stqarrija li ħareġ il-Partit Laburista llum fl-1 ta’ Mejju; Jum il-Ħaddiem fejn il-Prim Ministru għamel bosta żjarat lil diversi ħaddiema.
“Il-fatt li pajjiżna żamm sod f’ċirkostanzi mill-iktar diffiċli huwa grazzi għall-ħaddiema u n-negozji bieżla li għandna,” qal il-Prim Ministru li tkellem dwar kif din il-ġimgħa kienet xhieda oħra ta’ kemm il-Gvern jinvesti fil-ħaddiem.
Intqal li fost oħrajn tħabbret b’għoxrin miljun ewro f’għajnuna għan-negozji, li tinkludi kemm assistenza u kemm inċentivi. Reġgħu ħarġu l-applikazzjonijiet biex ikomplu jissewwew inġustizzji tal-imgħoddi fi skema b’valur ta’ għaxar miljun ewro oħra. Tħabbar ukoll ftehim kollettiv ġdid għal iktar ħaddiema tal-Korpi Dixxiplinati, din id-darba l-uffiċjali tal-ħabs.
Il-PL qal ukoll li tneħħew iktar piżijiet minn fuq in-negozji billi l-MTA ikkanċellat il-ħlas ta’ liċenzji u kontribuzzjonijiet għal din is-sena.
“Bqajna naraw kumpaniji privati jħaddmu iktar nies u aħna se ninvestu iktar fiż-żoni fejn jagħmlu l-investiment,” qal il-Prim Ministru li fisser kif dan kollu jwassal għal inqas qgħad u biex il-Maltin setgħu iżommu l-kwalità tal-ħajja f’pandemija.
“Fost oħrajn naqset u mhux żdiedet iċ-ċaħda materjali severa…l-għadd ta’ persuni mċaħħda materjalment severament niżel u mhux żdied f’pandemija. U ċ-ċaħda materjali tonqos għax insaħħu lill-ħaddiem. Għax il-ħaddiem noħolqulu x-xogħol,” qal il-Prim Ministru, li tenna li ċ-ċelebrazzjoni tal-ħaddiem irridu ngħixuha kuljum fit-titjib li nagħmlu fil-kwalità tal-ħajja tan-nies.
“Fix-xogħol, fl-opportunitajiet ġodda li noħolqu, fl-iskemi ta’ appoġġ bħal in-work benefit u t-tapering tal-benefiċji, fl-iskemi ta’ għajnuna li erġajna nedejna u se nkomplu nniedu,” tenna l-Prim Ministru li fisser kif xogħol il-Gvern se jibqa’ li jsaħħaħ lill-ħaddiema u n-negozji.