Imħarrka Madwar 150 Persuna Bi Ksur Tar-Regoli Tal-Covid-19 – Il-Pandemija Għadha Ma Spiċċatx!
Fi stqarrija mill-uffiċċju tal-komunikazzjoni tal-pulizija, intqal li madwar 150 persuna, matul tmiem il-ġimgħa ġew imħarrka mill-Pulizija u mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA), wara rapporti ta’ ġemgħat ta’ nies f’Pembroke u l-Mellieħa, bi ksur tar-regolamenti tal-COVID 19.
Nhar is-Sibt, għall-ħabta tat-tlieta ta’ filgħodu, il-Pulizija tal-Għassa ta’ San Ġiljan waslitilha informazzjoni li fis-sit Natura 2000, f’Pembroke, hemm diversi persuni jixorbu f’post imwarrab, fuq il-blat. Il-Pulizija marret mill-ewwel fuq il-post fejn ġie nnutat grupp kbir ta’ żgħażagħ, li malli raw il-Pulizija ppruvaw jaħarbu minn fuq il-post.
Il-Pulizija ħarġet madwar 80 ċitazzjoni minħabba ksur tal-Avviżi Legali tal-COVID-19 dwar l-użu mandatorju tal-maskri u dwar in-numru ta’ persuni fi spazji pubbliċi.
F’każ separat, illum, għall-ħabta tas-sagħtejn ta’ dalgħodu, il-Pulizija tal-Għassa ta’ San Ġiljan reġgħu marru fis-sit Natura 2000 f’Pembroke, fejn kien hemm miġemgħa ta’ persuni jixorbu fuq il-blat. Il-Pulizija waqfet 35 persuna fejn inħarġulhom ċitazzjoni minħabba ksur tal-istess Avviżi Legali.
Waqt li l-Pulizija kienu qegħdin jieħdu d-dettalji tagħhom, wieħed minnhom, żagħżugħ Franċiż ta’ 18-il sena, ħebb għal Kuntistabbli, bil-konsegwenza li qattalu l-qmis tas-servizz u ħarab minn fuq il-post. Minnufih bdiet tfittxija għalih u ġie arrestat ftit wara. Huwa qiegħed jinżamm fil-lock-up tal-Pulizija, il-Floriana, u mistenni jitressaq il-Qorti fil-jiem illi ġejjin. Il-pulizija mar għal kura f’ċentru tas-saħħa fejn ġie ċċertifikat li weġġa’ ħafif.
Intant, nhar il-Ġimgħa filgħaxija, għal xi d-disgħa u kwart, il-Pulizija mill-Għassa talQawra, assistiti mill-Pulizija tar-Rapid Intervention Unit, marru f’residenza privata fil-Mellieħa, wara rapport li hemm party. Xħin waslu fuq il-post bdiet tinstema l-mużika, waqt li l-pulizija nnutaw xi persuni fuq il-bejt. Huma ġew ordnati biex jiftħu u malli daħlu ġewwa l-pulizija nnutat li kien hemm madwar 35 persuna.
Ġiet infurmata l-Awtorità Maltija tat-Turiżmu, bil-Pulizija tassisti lill-uffiċjali tal-infurzar tagħha sabiex jinġabru d-dettalji ta’ dawk preżenti u jittieħdu l-azzjonijiet neċċessarji minnaħa tal-MTA dwar ksur tar-regolamenti b’rabta mal-COVID-19.
Inkunu responsabbli. Il-pandemija ma spiċċatx!
Ritratt: The Malta Police Force