“L-Anzjani Tagħna Jixirqilhom L-Aqwa Servizz” – Il-Ministru Michael Farrugia
Il-Ministeru għall-Anzjani u l-Anzjanità Attiva fi stqarrija, għamel referenza għar-rapport tal-Awditur Ġenerali dwar il-kuntratt għat-tmexxija ta’ erba’ blokok residenzjali fir-residenza San Vinċenz De Paul.
Intqal li l-Gvern għandu rispett lejn l-Uffiċċju tal-Awditur Ġenerali u għalhekk il-Ministeru qed janalizza bir-reqqa dan ir-rapport biex ma jkunx hemm ripetizzjoni ta’ fejn seta’ sar aħjar.
Spjegaw kif b’dan il-proġett il-pajjiż għandu erba’ blokok ġodda b’ħames mitt sodda biex jagħti servizz mill-aqwa lill-anzjani f’soċjetà fejn qed tiżdied l-anzjanità u f’sitwazzjoni fejn il-listi ta’ stennija għall-anzjani li riedu jidħlu f’residenza kienu laħqu livelli rekord.
Il-valur tal-kuntratt, li hu mifrux fuq 15-il sena, jikkonsisti fil-bini, it-tlestija u l-attrezzar tal-erba’ blokok ġodda b’504 sodod. Il-kuntratt jinkludi wkoll l-immaniġġjar u l-operat tal-blokok ġodda, u r-riżorsi umani meħtieġa inkluż l-infermiera kif ukoll il-carers li qed jaħdmu fil-blokok ġodda. Il-kuntratt jinkludi wkoll il-bini mill-ġdid tal-kċina fornuta b’apparat state of the art u l-forniment ta’ tlett ikliet kuljum għall-anzjani residenti kollha f San Vinċenz, u mhux dawk tal-blokok il-ġodda biss.
Il-Ministeru tenna li l-erba’ blokok ġodda state of the art b’504 sodod se jsiru proprjetà tal-Gvern fi tmiem il-15-il sena tal-kuntratt. Dan hu proġett li tlesta fil-ħin u f’perjodu relattivament qasir, bil-wards il-ġodda bdew jintużaw minn Lulju tas-sena 2020. “F’pandemija, il-kumpless il-ġdid kien ukoll kruċjali biex partijiet differenti fl-isptar setgħu saru ċentri ta’ iżolament, kwarantina u rkupru.”
Ġie enfasizzat ukoll tal-fatt li s-servizz mogħti f’San Vinċenz huwa uniku u ma jistax jitqabbel ma’ tad-djar tal-anzjani l-oħrajn inkluż dawk privati. “Dan għax is-servizz huwa iktar speċjalizzat u bil-livelli ta’ kura li huma eqreb lejn dak ta’ sptar. Fil-fatt, anke l-ftehim kollettiv mal-unions jitlob riżorsi f’San Vinċenz li huma ogħla minn dawk ta’ djar għall-anzjani.”
“L-anzjani tagħna jixirqilhom l-aqwa servizz u mhux is-sitwazzjoni li tħalla fiha San Vinċenz ftit tas-snin ilu meta problema dwar l-istat diżastruż tal-kċina tħalliet tkarkar mill-2004. Saħansitra, kien hemm rapport tal-Awditur Ġenerali li mmarka dawn in-nuqqasijiet u l-ħtieġa ta’ bidla lura fl-2004, bil-gvern ta’ dak iż-żmien jitfa’ s-sitwazzjoni taħt it-tapit b’periklu kbir għall-ħaddiema u l-anzjani residenti f’SVP.”
Fl-istess stqarrija, il-Ministeru fakkar li sa ftit tas-snin ilu kienu komuni x-xeni ta’ anzjani fil-kurituri ta’ Mater Dei, inkluż dawk li kienu jistennew li jmorru f’residenza, u għalhekk, tennew li proġetti ta’ żieda fis-sodod kienu meħtieġa. Fil-fatt, id-domanda għas-sodod kienet sostanzjata minn rapport ta’ espert li għamel stima ta’ kemm kien se jkollna bżonn sodod għal pazjenti b’dipendenza għolja sal-2023.
“Filwaqt li r-rapport tal-Awditur Ġenerali għandu jittieħed b’serjetà, m’hemm ebda dubju dwar il-benefiċċji ta’ dan il-proġett”, temmet tgħid l-istqarrija.