Se Jinfetaħ Parti Mill-Ġnien Romeo Romano Li Sa Issa Kien Inaċessibbli
Ilbieraħ, il-Ministru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar Aaron Farrugia ħabbar proġett ġdid ta’ riġenerazzjoni fi Ġnien Romeo Romano, li permezz tiegħu se jinfetaħ parti mill-ġnien li bħalissa jinsab magħluq għall-pubbliku.
Dan se jkun proġett multimiljunarju u multifunzjonali se jagħti lura spazju miftuħ f’Santa Venera filwaqt li jindirizza l-bżonn għal pulmun aħdar f’lokalità urbanizzata.
Il-proġett, li l-ewwel fażi tiegħu se ssir permezz ta’ investiment ta’ miljun ewro, se jkun qed jikkonsisti fi playground magħmul minn materjali naturali bħall-injam; ġnien iddedikat għal attivitajiet ta’ ġardinaġġ għat-tfal; manutenzjoni fuq il-ħitan u karatteristiċi storiċi oħra bħas-sienja, il-ġibjun tal-ilma tax-xita u s-sistema ta’ irrigazzjoni bl-użu ta’ kanali għall-ilma li tmur lura għas-seklu dsatax.
Il-Ministru Farrugia qal li l-proġett hu eżempju kif għandhom isiru proġetti simili fejn jiġi minimizzat jew evitat il-bżonn li jintuża plastik u konkos, permezz ta’ bandli tal-injam bħala parti minn kunċett ġdid.
It-tieni fażi ta’ dan il-proġett se tinvolvi r-restawr ta’ binja storika, illum abbandunata, biex isservi ta’ kitchen garden, simili għal dak li wieħed isib fil-ġonna ta’ San Anton. GreenServ se tkun qed timplimenta dan il-proġett flimkien ma’ diversi oħrajn li l-iskop aħħari tagħhom se jkun it-titjib fil-kwalità tal-ħajja tan-nies billi jiżdied element ta’ tħaddir fuq livell ġdid madwar żoni b’karatteristiċi urbani.