Intlaqat Minn Vettura Li Baqgħet Sejra
Ilbieraħ, għall-ħabta tal-23.10, il-Pulizija ġew infurmati li kien hemm inċident tat-traffiku fil-bypass ta’ San Pawl il-Baħar.
Il-Pulizija tad-Distrett marru immedjatament fuq il-post u sewwieq ta’ mutur informa lill-Pulizija li waqt li kien għaddej bil-mutur tal-għamla Honda CBR, intlaqat minn vettura li baqgħet sejra.
Tim mediku assista lir-raġel, ta’ 30 sena residenti Ħ’Attard u ittieħed l-Isptar Mater Dei b’ambulanza. Aktar tard huwa ġie ċċertifikat li sofra ġrieħi serji.
Il-Maġistrat tal-Għassa Dr Astrid May Grima ġiet infurmata bil-każ u ħatret inkjesta, filwaqt li l-Investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejin.