Ġimgħa Oħra Għaddiet U Dwar Ir-Recovery And Resilience Plan Ta’ Malta Bqajna Ma Smajna Xejn – PN

 Ġimgħa Oħra Għaddiet U Dwar Ir-Recovery And Resilience Plan Ta’ Malta Bqajna Ma Smajna Xejn – PN

Fi stqarrija l-Partit Nazzjonalista qal li jinnota li diġá għaddiet ġimgħa mid-data li fiha l-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea, inkluża Malta, kienu mitluba biex jippreżentaw lill-Unjoni Ewropea l-pjan hekk imsejjaħ Recovery and Resilience Plan. Dan il-pjan hu meħtieġ biex kull pajjiż jgħid kif beħsiebu jonfoq is-sehem tiegħu fir-Recovery and Resilience Facility, pakkett ta’ 672.5 biljun ewro li l-istess Unjoni Ewropea qed toffri biex tgħin lill-pajjiżi tagħha joħorġu mill-effetti devastanti tal-pandemija ta’ Covid-19.

Malta mhux biss għadha ma ppreżentatx il-pjan tagħha, iżda lanqas nafu kemm dan fadallu biex jitlesta. Apparti hekk il-Gvern Laburista ta’ pajjiżna jidher li għal raġunijiet li jaf hu biss, qed iżomm lil kulħadd, inkluża lill-Oppożizzjoni fil-għama dwar kif qed jaħdem u lil min qed jikkonsulta. Dan meta suppost li għall-kuntrarju, qed jikkonsulta mal-aktar firxa wiesgħa possibli tas-soċjetá inkluż il-Parlament Malti. Fil-każ ta’ pjan daqstant kbir u importanti għal Malta, l-parteċipazzjoni ta’ kulħadd hi fundamentali biex dan il-pjan ikun ta’ bilħaqq jolqot il-bżonnijiet tan-nies.

Il-Gvern Laburista bħal donnu qed jikkonsla bil-fatt li bħalna, xi pajjiżi tal-Unjoni Ewropea għad ma ppreżentawx il-pjan tagħhom. Dan bl-ebda mod mhu ġustifikat għax li tikkonsla għax oħrajn naqsu bħalek, hu raġunament ħażin.

Apparti hekk, dan jistona ħafna ma’ dak li priedkalna l-Gvern Laburista li jrid lil Malta tkun l-aqwa fl-Ewropa. Għall-Partit Nazzjonalista, d-dewmien sabiex Malta tippreżenta l-pjan tagħha lill-Unjoni Ewropea mhux accċċettabbli għax dan ifisser biss aktar dewmien biex il-pjan jiġi approvat u biex Malta tibda tirċievi l-fondi li tant teħtieġ.

Il-Partit Nazzjonalista dejjem emmen fl-importanza tal-Unjoni Ewropea għal Malta u grazzi għall-vizjoni tiegħu li jsieħeb lill-pajjiż magħha, qed jagħtina l-opportunitá li ngawdu minn fondi Ewropej bħal dawk tar-Recovery and Resilience Fund. Għal darb’oħra, l-Partit Nazzjonalista qed jerġa’jiddikjara li lest jagħti l-kontribut kollu tiegħu biex jitfassal ir-Recovery and Resilience Plan għal Malta għax jifhem l-importanza fundamentali tiegħu u allura jħeġġeġ lill-Gvern biex jagħmel il-parti tiegħu wkoll u minnufih jiftaħ għall-konsultazzjoni kollha meħtieġa.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com