Malta Ssir Stat Parteċipant Fi Ħdan Il-EuroHPC
Malta temmet b’suċċess il-proċess biex issir stat parteċipant fi ħdan il-European High-Performance Computing Joint Undertaking. EuroHPC huwa proġett ta’ programmar tal-Unjoni Ewropea li sar b’koperazzjoni bejn l-UE, diversi pajjiżi Ewropej u l-industrija privata, bl-għan li tiġi żviluppata ekosistema ta’ supercomputing tal-aqwa livell fl-Ewropa.
Il-parteċipazzjoni ta’ Malta tippermetti r-riċerka u l-komunità xjentifika lokali, l-industrija u s-settur pubbliku li jagħmlu użu mill-portafoll ta’ attivitajiet marbuta mas-supercomputing tenna l-Ministru għar-Riċerka, l-Innovazzjoni u l-Kordinazzjoni tal-Istrateġija għal wara COVID-19 Owen Bonnici.
Fost l-attivitajiet tagħha, il-EuroHPC Joint Undertaking tmexxi ‘l quddiem sejħiet annwali speċjalizzati għal riċerka u innovazzjoni, tindirizza teknoloġiji hardware u software u l-integrazzjoni tagħhom f’sistemi ta’ computing b’mod li tolqot il-katina sħiħa ta’ ħidma xjentifika u industrijali.
Minbarra dan, il-EuroHPC Joint Undertaking tipprovdi appoġġ għall-iżvilupp u n-networking ta’ Ċentri Nazzjonali ta’ High-Performance Computing fid-diversi membri fi ħdan il-programm.