Ċentru Interattiv Sabiex Jgħallem Lit-Tfal Fuq L-Immaniġġjar Tal-Iskart U L-Ekonomija Ċirkolari
Il-Ministru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar, Aaron Farrugia ħabbar li ċ-ċentru tal-viżitaturi tal-WasteServ f’Marsaskala ser jinbidel f’ċentru edukattiv u interattiv sabiex jgħallem lit-tfal dwar l-immaniġġjar tal-iskart u l-ekonomija ċirkolari. Onor. Farrugia spjega li dawn l-inizjattivi jiffurmaw parti mill-plan ta’ dan il-Gvern sabiex itejjeb is-settur tal-immaniġġjar tal-iskart u sabiex il-pajjiż jimxi lejn ekonomija ċirkolari.
Iċ-ċentru msemmi jifforma parti mill-Family Park ta’ Marsaskala, liema ċentru ser jinbidel f’ECOHIVE Academy fejn it-tfal ikunu jistgħu jitgħallmu għaliex u kif għandu jiġi mmaniġġjat l-iskart b’mod xieraq. Bis-saħħa tat-teknoloġija, it-tfal ser jesperjenzaw esperjenza ġdida ta’ tagħlim u ser ikunu jistgħu jagħmlu tagħlim hands-on ukoll.
Il-Ministru Aaron Farrugia saħaq fuq l-importanza li ngħallmu lill-uliedna dwar l-ambjent sabiex ikollna ċittadini iktar konxji mill-ambjent. Tkellem ukoll fuq l-importanza li t-tfal tagħna jkunu motivati sabiex ikunu parti mis-soluzzjoni u dan iċ-ċentru ser ikun qiegħed jaqdi dan irwol, filwaqt li jgħallem dwar l-immaniġġjar tal-iskart b’mod divertenti.
Il-Kap Eżekuttiv tal-WasteServ, Richard Bilocca tkellem kif il-WasteServ trid tkun proattiva fejn jidħol l-irwol edukattiv li hija għandha dwar l-immaniġġjar tal-iskart. Saħaq li l-għan ewlieni ta’ dan iċ-ċentru huwa li jgħin lill-uliedna jsiru aktar responsabbli fejn jidħol l-ambjent, bis-saħħa ta’ logħob u midja interattiva.