Jitneħħew 1,200 Tabella Illegali
Bħala parti mill-kampanja ‘Insebbħu Pajjiżna’, fl-aħħar jiem, madwar 1,200 tabella illegali tneħħew mit-toroq arterjali. Dawn it-tabelli twaħħlu illegalment ma’ sinjali tat-traffiku, fuq bankini, kif ukoll mal-ħitan.
Matul din il-ġimgħa, il-kampanja bl-isem ta’ ‘Insebbħu Pajjiżna’ kabbret ukoll l-operat tagħha. Minbarra t-tindif estensiv fit-toroq arterjali, beda ukoll eżerċizzju proattiv ta’ manutenzjoni ta’ bankijiet, railings, u għamara oħra tat-triq.
Fost ix-xogħlijiet li saru, sar xogħol fuq 15-il ħajt tas-sejjieħ jew tal-franka f’toroq arterjali, filwaqt li ssokta t-tindif ta’ graffiti u tbajja oħra fuq pavimentar fil-Belt Valletta.
Is-Segretarju Permanenti Ewlieni s-Sur Mario Cutajar stqarr li “[d]an l-isforz kollettiv tas-Servizz Pubbliku qed jagħti lura lis-soċjetà ambjent aktar nadif u sigur. Sforz li se jibqa’ sostnut u mhux se jintemm ma’ tmiem il-kampanja. ’Il quddiem qed naraw ukoll kif l-element edukattiv jista’ jikkumplimenta dan l-isforz u b’hekk ir-riżultati jibqgħu jitgawdew fit-tul”.
L-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti Ewlieni qiegħed jikkordina din il-kampanja, liema kampanja tinvolvi ħidma minn diversi ministeri, b’aktar minn 450 ħaddiem li ġejjin mid-Diviżjoni tal-Indafa Pubblika, Parks Malta, id-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi, Enemalta, Ambjent Malta, Foundation for Tourism Zones u Transport Malta.
Fil-preżent il-ħidma qiegħda tiffoka fuq toroq ewlenin, filwaqt li għandha timxi lejn toroq residenzjali aktar tard dan ix-xahar.