Studju Dwar Pjanti Endemiċi Maltin U Trattament Tal-Lukimja

 Studju Dwar Pjanti Endemiċi Maltin U Trattament Tal-Lukimja

Agent NovoBio huwa proġett iffinanzjat mill-programm FUSION fi ħdan il-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija, li qiegħed ilaqqa’ akkademiċi u l-industrija privata sabiex jistudjaw l-użu ta’ diversi aġenti bioattivi estratti minn pjanti endemiċi Maltin għal trattamenti potenzjali ġodda kontra l-lukimja.

Sal-lum il-kanċer għadu waħda mill-kawżi ewlenin ta’ mwiet fil-pajjiżi żviluppati.

Il-Ministru għar-Riċerka, Innovazzjoni u l-Koordinazzjoni tal-Istrateġija għal wara l-COVID-19, Owen Bonnici żar il-laboratorji minn fejn qed issir ir-riċerka NovoBio u spjega kif akkademiċi Maltin mid-Dipartiment tal-Fiżjoloġija u l-Biokimika (Centre of Molecular Medicine and Biobanking) u d-Dipartiment tal-Anatomija fi ħdan il-Fakultà tal-Mediċina ngħaqdu ma’ Għajn Rasul Co. Ltd bħala sieħeb fin-negozju sabiex jistudjaw kif estratti minn pjanti endemiċi Maltin jistgħu jgħinu fit-trattament tal-kanċer.

Il-Ministru Bonnici faħħar ix-xogħol imprezzabbli tat-tim Malti li qiegħed jaħdem fuq dan il-proġett. Dan il-proġett beda bl-għan li jiżviluppa t-teknoloġija, l-għarfien u l-ħiliet esperti meħtieġa sabiex tiżdied l-estrazzjoni tal-aġenti bioattivi li jista’ jkollhom potenzjal importanti ħafna fil-kura tas-saħħa. 

Il-Ministru spjega kif “[p]ermezz ta’ dan il-proġett qed jiġu studjati mudelli differenti ta’ kif jistgħu jiġu estratti l-aġenti bioattivi mill-pjanti waqt li jsiru diversi testijiet biex tiġi stabbilita s-sigurtà tagħhom bil-għan li toħloq prodott għall-kummerċjalizzazzjoni lokali u internazzjonali. Qed isiru wkoll studji u testijiet dwar l-attività tal-aġenti bioattivi fuq il-linji taċ-ċelloli tal-kanċer tas-sider u tal-musrana l-kbira biex tiġi ddeterminata l-effikaċja ta’ dawn l-aġenti fuq tipi ta’ kanċer differenti.”

Il-koordinattriċi ta’ dan il-proġett, Dr. Marion Zammit Mangion qalet li f’konformità mal-għanijiet tal-programm MCST FUSION, Agent NovoBio qed ikompli jistimula l-kollaborazzjoni pubblika-privata u l-investiment fil-Bijoteknoloġija, waqt li jżid u jifrex l-għarfien xjentifiku f’dan is-settur filwaqt li jinkoraġġixxi aktar impenn tal-komunitajiet xjentifiċi lokali u internazzjonali.

Dan il-proġett ingħata finanzjament ta’ €150,000.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com