Bil-Filmat: Jitneħħew 1,200 Tabella Illegali
Bħala parti mill-kampanja ‘Insebbu Pajjiżna’, fl-aħħar jiem tneħħew madwar 1,200 tabella illegali mit-toroq li kienu ma’ sinjali tat-traffiku, fuq bankini u anke mal-ħitan.
Fl-aħħar sigħat beda eżerċizzju proattiv ta’ manutenzjoni ta’ bankijiet, railings, u għamara oħra tat-triq. Fost l-oħrajn, saru xogħlijiet fi Pjazza Tritoni u żoni oħra fiċ-ċentru tal-Belt Valletta.
Saru wkoll xogħlijiet ta’ tiswijiet fuq railings u pedestrian railings, fejn inbiddlu 12-il railing ma’ oħrajn li nħaddmu mill-ġdid. Saru xogħlijiet ukoll fuq 15-il ħajt tas-sejjieħ jew tal-franka f’toroq arterjali, filwaqt li ssokta t-tindif ta’ graffiti u tbajja oħra fuq pavimentar fil-Belt Valletta.
“Dan l-isforz kollettiv tas-Servizz Pubbliku qed jagħti lura lis-soċjetà ambjent aktar nadif u sigur. Sforz li se jibqa’ sostnut u mhux se jintemm ma’ tmiem il-kampanja. ’Il quddiem qed naraw ukoll kif l-element edukattiv jista’ jikkumplimenta dan l-isforz u b’hekk ir-riżultati jibqgħu jitgawdew fit-tul”, qal is-Segretarju Permanenti Ewlieni s-Sur Mario Cutajar, li l-uffiċċju tiegħu qed jikkordina din il-kampanja.
Il-kampanja ‘Insebbħu Pajjiżna’ tinvolvi ħidma kkordinata minn diversi ministeri, b’aktar minn 450 ħaddiem li ġejjin mid-Diviżjoni tal-Indafa Pubblika, Parks Malta, id-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi, Enemalta, Ambjent Malta, Foundation for Tourism Zones, u Transport Malta.
Fil-preżent il-ħidma qed tiffoka fuq toroq ewlenin, u timxi lejn toroq residenzjali aktar tard dan ix-xahar.