Evitata Traġedja Għal 80 Familja Fl-Imtarfa
Il-Ministeru għall-Akkomodazzjoni Soċjali ħabbar li r-riġenerazzjoni ta’ Binja Buqana fl-Imtarfa hi kompluta. Din ir-riġenerazzjoni saret wara li ġie kkummissjonat studju fl-2015, fid-dawl ta’ dubju fuq is-sigurtà tal-blokka, li kien qal li ma kinitx fi stat sigur għat-80 familja li huma residenti fiha. Għalkemm l-awtorità tad-djar ma kinitx obbligata li tidħol għat-tiswijiet, il-Gvern ħass li għandu jintervjeni, stqarr Galdes.
“B’dan il-proġett evitajna traġedja,” sostna l-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali Roderick Galdes. “L-analiżi kkonfermat li tmenin familja kienu qed jgħixu fi blokka li tinsab f’sitwazzjoni gravi. Sibna struttura difettuża li wasslet għall-ilma jnixxi sas-sulari ta’ isfel nett, blockages u deterjorazzjoni severa tal-qafas strutturali tal-binja.”
Il-Ministru qal ukoll li l-Awtorità tad-Djar se tkun qed tirraġna 40 blokka oħra madwar Malta fil-programm wiesa’ ta’ riġenerazzjoni tal-blokok kollha tal-akkomodazzjoni soċjali li nbnew ferm qabel Binja Buqana.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar Leonid McKay ta elenku tax-xogħlijiet li saru fuq il-binja biex ġie evitat il-periklu; issaħħaħ il-basement li jinkludi 99 garaxx u l-partijiet tal-komun li fuqhom jistrieħu 80 appartament privat, tranġa l-konkrit f’ċertu partijiet u ġie indirizzat qsim serju fil-bini, sar il-kisi meħtieġ u ngħatat iż-żebgħa. Sar ukoll waterproofing, tqiegħed il-madum u nbidlu l-pajpijiet ta’ ċerti partijiet. Fil-partijiet tal-komun sar xogħol ta’ rinfurzar, tranġa l-konkrit u ngħata l-kisi waqt li nbidel il-membrane tal-bjut. Saru xogħlijiet anke fl-appartamenti nfushom, speċjalment fil-gallarijiet, sors ewlieni tal-periklu kkawżat. Ingħatat wkoll dehra ġdida lill-faċċati biex ma jibqax dieħel ilma mill-kunsenturi u biex iż-żona tieħu bixra estetika isbaħ.
B’kollox, il-proġett sewa lill-Awtorità tad-Djar is-somma ta’ €2.9 miljun.