L-Għaqda Repubblika Ċċedi L-Kawża Kontra L-PM Dwar Il-Ħatra Tal-Imħallfin
L-Għaqda Repubbliku dalgħodu ħabbret li ċediet il-kawża li fetħet kontra l-Prim Ministru Robert Abela dwar il-ħatra tal-ġudikanti f’pajjiżna.
Din id-deċiżjoni ssegwi d-deċiżjoni tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja f’April li għadda meta ddeċidiet li s-setgħa tal-Prim Ministru li jagħżel kandidati għall-ġudikatura magħżula għall-eleġibbiltà minn kummissjoni indipendenti, ma kinitx tmur kontra l-liġi tal-Unjoni Ewropea.
Id-deċiżjoni ta’ Repubblika li ċċedi l-kawża quddiem il-Qrati Maltin ġiet magħrufa f’nota ppreżentata dalgħodu fil-Prim Awla tal-Qorti Ċivili u ffirmata mill-Avukat Jason Azzopardi.
Repubblika qalet li l-għan tal-kawża ġie eżawrit wara li ntlaħaq l-għan tagħhom bis-saħħa tat-tibdiliet li saru fosthom bdil fis-sistema tal-ħatriet tal-ġudikanti f’pajjiżna. Qalet li d-deċiżjoni tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja hija assigurazzjoni li mhux se jkun possibbli li l-Gvern Malti jerġa’ jkun parti mis-sistema tal-ħatriet tal-ġudikanti b’dak li sejħet bħala ndħil.
L-għaqda Repubblika temmet tgħid li fid-dawl tal-fatt li l-Istat Malti qabel li Repubblika terfa’ l-ispejjeż tagħha biss f’din il-kawża, u b’ħajr lill-Prim Imħallef għall-gwida tiegħu, kienet qed iċċedi dini l-kawża.