Investiment Ta’ €4.2 miljun F’Dar Il-Kaptan B’Risq Il-Persuni B’Diżabilità

 Investiment Ta’ €4.2 miljun F’Dar Il-Kaptan B’Risq Il-Persuni B’Diżabilità
Il-Ministeru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja u Aġenzija Sapport iffirmaw ftehim soċjali ta’ €4.2 miljun ma’ Dar il-Kaptan fl-Imtarfa.
Dan l-investiment fuq medda ta’ tliet snin hu €2.5 miljun aktar mill-kuntratt tal-2018 u se jara li jissaħħaħ il-kunċett ta’ respite, biex ġenituri li għandhom tfal b’diżabilità jkunu jistgħu jieħdu l-mistrieħ meħtieġ minn żmien għal żmien.
Iż-żieda fl-investiment mill-gvern se tippermetti wkoll lil Dar il-Kaptan sabiex tinvesti f’aktar riżorsi umani sabiex tkun tista’ tindirizza aktar id-domanda għal dan is-servizz u għalhekk ikunu mgħejuna aktar familji. Il-€4.2 miljun ikopru kriterji bħall-ikel, akkomodazzjoni, saħħa u sigurtà, iġjene, kif ukoll attivitajiet li huma parti integrali mill-ġurnata tal-persuni b’diżabilità f’Dar il-Kaptan.
Il-Ministru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja Julia Farrugia Portelli sostniet li bis-servizz residenzjali, fejn wieħed jista’ anke jorqod f’din id-dar, se jkunu milħuqa mal-200 familja, hekk kif se jkun hemm disponibbli 17-il sodda li jintużaw b’sistema ta’ referrals.
Il-Ministru Farrugia Portelli qalet li s-servizz ta’ respite hu kruċjali li jissaħħaħ biex naraw li ġenituri ta’ tfal b’diżabilità jingħataw l-għajnuna meħtieġa biex jirkupraw l-enerġija tagħhom biex ikomplu bil-kura ta’ uliedhom, li ħafna drabi tkun waħda dipendenti 24 siegħa kuljum.
Dar il-Kaptan toffri wkoll servizz ta’ respite matul il-jum u hu immirat għal tfal, żgħażagħ u adulti b’diżabilità. Kien spjegat li s-servizz ta’ respite ta’ matul il-jum għal 15-il persuna b’diżabilità huwa mfassal biex jagħti lill-persuni b’diżabilità l-ħiliet li għandhom bżonn biex jgħixu ta’ kuljum fil-komunità u b’hekk ikunu aktar indipendenti.
Jiġu offruti wkoll attivitajiet rikreattivi u servizzi terapewtiċi. Dan is-servizz jgħin ukoll sabiex jiġu identifikati minn kmieni xi tibdiliet jew bżonnijiet ġodda li jkollha l-persuna b’diżabilità, inkluż dawk relatati mas-saħħa.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Aġenzija Sapport Ruth Rose Sciberras saħqet fuq l-importanza ta’ dan il-ftehim li issa jkopri kemm is-servizz ta’ respite fuq bażi residenzjali, kif ukoll ieħor fuq is-servizz ta’ matul il-jum, u għalhekk hu aktar possibbli li jiġu indirizzati l-bżonnijiet partikolari taż-żewġ servizzi differenti fuq bażi individwali. Is-Sinjura Sciberras enfasizzat li din il-kollaborazzjoni tkompli tassigura li l-interessi tal-persuni b’diżabilità u l-familji li jagħmlu użu minn dan is-servizz ikunu mħarsa, waqt li jingħataw servizz personalizzat u skont l-istandards, liema pjan jiġi mħejji minn tim ta’ professjonisti u rivedut skont il-ħtieġa, b’mod regolari. Dan l-investiment f’servizzi ta’ respite hu importanti ferm għaliex, minbarra li jibbenefikaw il-persuni b’diżabilità, inkunu qed nagħtu wkoll sostenn lill-familjari li jiddedikaw tant ħin sabiex jieħdu ħsieb lill-persuni b’diżabilità.
Dan il-ftehim kien deskritt miċ-Chairperson ta’ Dar il-Kaptan Martin Saliba bħala fiduċja assoluta mill-gvern fis-servizzi ta’ respite li toffri Dar il-Kaptan. L-iffirmar sar mis-Segretarju Permanenti Matthew Vella f’isem il-Ministeru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja, minn Ruth Sciberras f’isem Aġenzija Sapport u miċ-Chairperson għal Dar il-Kaptan Martin Saliba.
Ritratt: DOI / Clodagh O’Neill
Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com