Proġetti Ta’ Tisbieħ Fis-Swieqi U L-Mellieħa Li Jammontaw Għal €355,000

 Proġetti Ta’ Tisbieħ Fis-Swieqi U L-Mellieħa Li Jammontaw Għal €355,000

Il-komunitajiet tas-Swieqi u l-Mellieħa se jkunu qed jibbenefikaw minn investiment fi proġetti ta’ tisbiħ fil-lokalitajiet tagħhom.

Dan tħabbar mill-Ministru għall-Ambjent, Tibdil fil-Klima u Ippjanar Aaron Farrugia fil-preżenza taċ-Chairperson tal-Kumitat tad-Development Planning Fund il-Perit Vincent Cassar, is-Sindku tas-Swieqi Noel Muscat u s-Sindku tal-Mellieħa Dario Vella.

Il-Ministru Farrugia qal li total ta’ €355,000 se jiġu investiti mill-Awtorità tal-Ippjanar (PA) permezz tad-Development Planning Fund (DPF).

“Aħna qed naħdmu biex noħolqu ambjent abitabbli u komunitajiet kuntenti. Permezz ta’ diversi inizjattivi, qed noħolqu u nħejju aktar għal rikrejazzjoni u ambjent urban aktar b’saħħtu. Għal dawn il-proġetti, id-DPF qed jintuża biex itejjeb il-pajsaġġ urban, jipprovdi żoni rikreattivi aħjar u jimminimizza t-tniġġis tad-dawl,” qal il-Ministru Farrugia.

Fil-lokalità tas-Swieqi, il-PA se tkun qed tiffinanzja t-tisbiħ ta’ Ġnien Esprit Barthet u l-inħawi tiegħu. Il-ġnien li hu mdawwar bi Triq l-Iskud, Triq il-Barmil u Triq Ħabb il-Qamħ, jinsab fit-tarf tat-Tramuntana tal-Ibraġġ, mhux biss se jiġi estiz iżda se jkun ukoll aġġornat b’pavimentar ġdid, xogħlijiet ta’ landscaping, għamara urbana, tagħmir għal-logħob tat-tfal u faċilitajiet oħra. Il-proġett li għalih il-PA se tkun qed tiffinanzja qrib €153,000 se jinkludi wkoll titjib fl-immaniġġjar tat-traffiku madwar iż-żona tal-ġnien.

It-tieni proġett li l-PA se tkun qed tiffinanzja fis-Swieqi huwa estensjoni għall-clubhouse li teżisti fil-ġnien pubbliku maġenb tennis court fi Triq il-Ħemel. L-estensjoni li għaliha l-PA qed tiffinanzja €80,000, se tipprovdi lil numru ta’ organizzazzjonijiet sportivi u kulturali li huma stabbiliti fil-lokalità bi spazju għall-uffiċini tant meħtieġ, kmamar tal-laqgħat u kamra għat-taħriġ, seminars u lekċers.

Fil-lokalità tal-Mellieħa, il-PA se tkun qed tiffinanzja kważi €128,000 għal titjib tad-dwal fit-toroq. Id-disa’ toroq li se jibbenefikaw minn dan il-proġett jinkludu Sqaq Nru 1 Triq il-Muna, Triq il-Barkazza, Triq iż-Żebbuġ, Triq il-Ġojjin, Triq il-Gardell, Triq il-Bufula, Triq il-Bilbla, Daħlet is-Sardinell u Daħlet id-Dalji. Id-disinn tal-fanali se jkun konformi mal-karattru tal-lokalità tal-Mellieħa u jimminimizza t-tniġġis tad-dawl. Din hija t-tielet darba li l-PA qed tiffinanzja dawl imtejjeb fit-toroq ta’ din il-lokalità, qabel fi Triq il-Qortin u Triq Għajn Żejtuna.

Il-Ministru tenna li l-ambitu tad-DPF twessa’ s-sena li għaddiet biex jinkludi infrastruttura ħadra u blu biex jitjieb l-ambjent urban, il-kwalità tal-ħajja kif ukoll id-dimensjoni soċjali tal-bliet u l-irħula tagħna.

Il-Perit Vincent Cassar, Chairperson tal-Kumitat tad-Development Planning Fund tenna li dawn il-proġetti huma mmirati li jagħmlu differenza fil-kwalità tal-ħajja u l-ambjent lokali. Tenna wkoll li qed isir dan biex ikunu mħeġġa metodi ġodda ta’ introduzzjoni ta’ ħdura fl-ambjent urban ta’ Malta biex tippurifika l-arja, tnaqqas it-temperatura ambjentali u ssaħħaħ il-benesseri tal-komunità.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com