Diskussjoni Dwar It-Trasformazzjoni Tal-PBS u L-Futur Tax-Xandir Pubbliku
Il-Ministru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru Carmelo Abela ddiskuta l-viżjoni tal-PBS f’laqgħa ma’ numru ta’ uffiċjali għolja tal-European Broadcasting Union (EBU). L-EBU hija l-Għaqda Ewropea li tiġbor l-istazzjonijiet pubbliċi tal-pajjiżi tal-Ewropa, fejn ix-xandara nazzjonali huma membri tal-EBU.
Fost it-temi diskussi bejn iż-żewġ partijiet kien hemm kif tista’ ssir kollaborazzjoni f’numru ta’ oqsma fosthom, pjattaforma diġitali u t-teknoloġija moderna, kollaborazzjoni fuq ko produzzjonijiet, it-taħriġ u anke l-proposti leġislattivi li qed jiġu diskussi fi ħdan l-Unjoni Ewropea.
Il-Ministru Carmelo Abela, li huwa responsabbli wkoll mix-xandir pubbliku, spjega d-direzzjoni li l-PBS qed jimxi fuqha fil-preżent. Qal li żewġ għanijiet li l-PBS għandha huwa li tkompli tiżdied il-kwalità u li aktar produtturi jingħataw opportunitajiet fuq l-istazzjonijiet nazzjonali.
Biex dan jintlaħaq, huwa meħtieġ li ssir ħidma fuq l-organizzazzjoni tal-istess kumpanija. Dan huwa dak li qed isir fil-preżent taħt iċ-chairperson eżekuttiv tal-PBS, Dott. Mark Sammut, li kien ukoll preżenti b’mod virtwali għal-laqgħa.
Il-Ministru Carmelo Abela qal li se jkun hemm tisħiħ fl-istazzonijiet televiżivi tal-PBS, sabiex is-segwaċi numerużi tal-PBS ikun jista’ jkollhom għażla differenti skont il-gosti tagħhom b’aktar kwalità.
Finalment, ġie nnutat li l-isfidi u d-direzzjoni li l-PBS għaddej minnhom huma simili għal bosta stazzjonijiet pubbliċi fl-Ewropa. Il-Ministru Abela nnotta bi pjaċir li l-PBS qed jaħdem fuq il-prijoritajiet it-tajba, li jfisser li dan huwa ċertifikat li juri li l-PBS miexi fid-direzzjoni t-tajba wkoll.