Aktar Minn €750,000 Miġbura Għal Tfal Fuq L-Ispettru Tal-Awtiżmu U Dawk Neqsin Mid-Dawl
Ftit aktar minn €750,000 inġabru waqt il-maratona televiżiva li saret bħal-lum ġimgħa b’risq il-proġett E3 ta’ The Malta Trust Foundation, sabiex jinxtara apparat elettroniku personalizzat għal tfal fuq l-ispettru tal-awtiżmu jew tfal neqsin mid-dawl.
Ic-Chairperson ta’ The Malta Trust Foundation, Il-President Emeritus Marie-Louise Coleiro Preca, irringrazzjat lil dawk kollha li taw il-kontribut tagħhom lejn dan il-proġett li għandu l-għan li jagħti empowerment, kuraġġ u edukazzjoni lil ħafna tfal b’kapaċitajiet differenti.
“Dawk kollha li taw donazzjoni verament qed ibiddlu l-ħajja ta’ ħafna tfal. Issa se tkompli l-ħidma mal-professjonisti fl-entitajiet differenti biex The Malta Trust Foundation tkun tista’ tagħti lil dawn it-tfal l-apparat personalizzat li jeħtieġu.”
“Is-soċjetà kollha se tkun qed tibbenefika minn dawn id-donazzjonijiet, hekk kif issa dawn it-tfal, li għandhom ħafna u ħafna ħiliet, qed jingħataw l-għodda meħtieġa sabiex ikunu jistgħu jilħqu l-milja tal-potenzjal tagħhom u jikkontribwixxu għas-soċjetà”, qalet l-Eċċellenza Tagħha Coleiro Preca.
Rappreżentanti tal-istess fondazzjoni qalu li s-suċċess tal-maratona tas-Sibt ma rriżultax biss f’somma mill-isbaħ iżda wkoll f’aktar kuxjenza dwar dan is-suġġett fuq livell nazzjonali.
Fil-jiem ta’ wara l-maratona għexiren ta’ familji ta’ tfal fuq l-ispettru tal-awtiżmu għamlu kuntatt mal-fondazzjoni sabiex jiġu gwidati dwar kif huma jistgħu jibbenefikaw minn dan l-apparat li jista’ jbiddel ħajjet uliedhom u dik tal-familja tagħhom.
Minn naħa tagħha l-fondazzjoni qed tkompli żżomm diskussjonijiet mal-professjonisti u l-entitajiet ikkonċernati inklużi dawk governattivi, biex jintlaħaq l-għan aħħari li t-tfal kollha kollha jkollhom l-ambjent u l-faċilitajiet meħtieġa biex jimxu ‘l quddiem f’ħajjithom.