Il-Ministru Evarist Bartolo F’Telefonata Mal-Ministru Palestinjana
Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej Evarist Bartolo, il-bieraħ kellu telefonata mal-Ministru għall-Affarijiet Barranin tal-Awtorità Nazzjonali Palestinjana, Riyad al-Maliki. Matul din it-telefonata ġiet diskussa l-agħar sitwazzjoni li żviluppat bil-kunflitt aħrax li bħalissa jinsab għaddej bejn l-Iżrael u l-Palestina.
Iż-żewġ Ministri qablu li għandu jieqaf il-ġlied, ġlied li qiegħed jikkawża l-qtil ta’ tant persuni innoċenti, inkluż it-tfal. Dawn qablu ukoll li sabiex tinstab soluzzjoni, iridu jkunu nvoluti il-Palestinjani, inkluż id-dritt tal-Palestinjani li jgħixu fi djarhom fil-Lvant ta’ Ġerusalemm u jkun hemm rispett sħiħ lejn il-prattika tat-tlieta reliġjonijiet f’Ġerusalemm.
Il-Ministri urew it-tħassib tagħhom li l-inkwiet attwali huwa eħrex minn żminijiet oħra. Ġirien Iżraeljani u Iżraeljani Għarab li ilhom jgħixu flimkien għal bosta snin f’komunitajiet fl-Iżrael qegħdin iduru kontra xulxin b’mibegħda u vjolenza li qatt ma wrew qabel.
Il-Ministru Bartolo semma li Malta tibqa’ favur żewġ stati fejn l-Iżraeljani u l-Palestinjani jgħixu ħdejn xulxin fis-sigurtà u fil-paċi u appella sabiex jieqfu l-attakki miż-żewġ naħat kontra xulxin. Huwa wera l-apprezzament tiegħu lejn dawk il-pajjiżi kollha li qed jaħdmu biex jieqaf il-ġlied.
Il-Ministru Bartolo jinsab f’kuntatt ma’ diversi kollegi li huma Ministri tal-Affarijiet Barranin ta’ pajjiżi oħra fl-isforz kontinwu biex jieqaf dan il-ġlied. Huwa wkoll f’kuntatt mal-Ambaxxaturi ta’ Malta f’Tel Aviv u Ramallah biex il-Maltin li jgħixu fl-inħawi jkunu mħarsa.