Iffirmat Ftehim Li Jsaħħaħ L-Avveniment Tal-EUROPRIDE Valletta 2023

 Iffirmat Ftehim Li Jsaħħaħ L-Avveniment Tal-EUROPRIDE Valletta 2023

Il-Ministeru għall-Ġustizzja, l-Ugwaljanza u l-Governanza, irrappreżentat mis-Segretarju Permanenti Johan Galea, iffirma ftehim għal għajnuna finanzjarja ta’ €300,000 ma’ Allied Rainbow Communities, l-ARC, rappreżentati mis-Sur Clayton Mercieca, bħala l-organizzaturi tal-EUROPRIDE Valletta 2023. Din l-għotja ser tingħata fuq perjodu ta’ tliet snin.

Permezz tal-ħidma tal-ARC u l-kollaborazzjoni tagħhom ma’ għaqdiet mhux governattivi mas-settur privat u ma’ entitajiet governattivi, il-Pride Week f’Malta żdiedet sew fil-viżibilità u fil-parteċipazzjoni tul l-aħħar snin.

Avveniment bħal EUROPRIDE f’Malta huwa tragward importanti għal pajjiżna mhux biss għax dan l-avveniment ser jattira lejn Malta numru kbir ta’ parteċipanti barranin li jawgura tajjeb għall-ekonomija tagħna imma għaliex minkejja l-qafas legali b’saħħtu li għandu pajjiżna f’dan il-qasam, għad hemm xi jsir biex negħlbu l-preġudizzju u d-diskriminazzjoni li xi wħud mill-komunità LGBTIQ għadhom jaffaċċjaw. Għalhekk, is-sinjifikat tal-Pride jibqa’ relevanti u attwali.

Il-ħidma tal-gvern favur aktar għarfien tad-diversità hija kontinwa anke permezz tal-ħidma tad-Direttorat għad-Drittijiet tal-Bniedem li jimplimenta diversi proġetti u kampanji id f’id ma’ ministeri oħrajn b’kollaborazzjoni mal-kunsill konsultattiv li għadu jaqdi rwol importanti.

Il-Ministru Edward Zammit Lewis qal li huwa proprju fil-Jum Internazzjonali kontra l-Omofobija, il-Bifobija, l-Interfobija u t-Transfobija li Malta, għas-sitt darba konsekuttiva, reġgħet kisbet l-ewwel post fl-indiċi Qawsalla ta’ ILGA-Europe. Malta gwadanjat ukoll 5 punti fuq is-sena ta’ qabel biex issa laħqet il-persentaġġ ta’ 94%, 20 perċentwal aktar minn mid-disgħa u erbgħin pajjiż Ewropew ieħor.

Il-Ministru Edward Zammit Lewis iffirma wkoll dikjarazzjoni Ewropea mmexxija minn Franza bil-għan li jkomplu jissaħħu l-libertajiet ċivili kemm f’Malta kif ukoll fuq livell Ewropew. Huwa importanti li kulħadd igawdi minn drittijiet indaqs mingħajr ebda distinzjoni.

Il-EUROPRIDE Valletta 2023 isservi ta’ opportunità biex Malta tkompli bl-isforzi tagħha biex tqajjem aktar għarfien u qsim ta’ esperjenzi u prattiċi tajba li pajjiżna għandu f’dan il-qasam.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com