L-Artist Li Kebbes L-Imħabba Għal Jazz F’Pajjiżna!

 L-Artist Li Kebbes L-Imħabba Għal Jazz F’Pajjiżna!

Tagħrif li wasal għand Strada Rjali mingħand George Cini juri kif mużiċisti Maltin li ħadmu Strada Stretta u Balzunetta fis-snin erbgħin u ħamsin tas-seklu għoxrin kienu jqisu lil vjolinista Afrikan-Amerikan Juice Wilson bħala l-bniedem li kebbes l-imħabba għall-jazz f’Malta. 

Barra l-vjolin, Wilson li twieled f’St Louis u trabba f’Chicago kien idoqq il-pjanu, drums, klarinett u saksofon.

Wieħed jinnota kif Wilson ġie Malta fil-21 ta’ Diċembru tal-1937 flimkien ma’ żewġ musiċisti u ż-żeffien Levy Wine.

Dawn kienu għadhom kif temmew tour fl-Afrika ta’ Fuq, iżda meta faqqgħet it-Tieni Gwerra Dinjija weħlu Malta u Juice Wilson kif ukoll Levy Wine spiċċaw jaħdmu Balzunetta u Strada Stretta.

L-istoriku Ingliż tal-mużika Anthony Barnett għadu kemm ħareġ ktieb dwar il-ħajja mqanqla ta’ Wilson bl-isem ‘Fallen from the Moon: Robert Edward Juice Wilson: His life on earth: A Dossier.’ 

Fil-ktieb wieħed isib tifkiriet minn mużiċisti Maltin fosthom Vinny Vella, Frank Camilleri, il-Bibi, Ġużi Curmi, il-Pusé u Tony Carr.

Jimmy l-Irish, ġentlom minn Strada Stretta jiftakar li ma kien hemm ħadd bħal Juice Wilson fuq il-klarinett. Tony Carr jgħid li kemm Wilson u Wine ħallew influenza kbira fuqu bħala drummer, “Juice Wilson kien l-aqwa ħaġa li setgħet tiġri għall-Malta. Kien mużiċist kbir. Ma kontx naf kemm kien kbir sakemm tlajt naħdem Londra.”

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com