Ħlas Contactless Fuq Il-Karozzi Tal-Linja

 Ħlas Contactless Fuq Il-Karozzi Tal-Linja

Il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali, Ian Borg ħabbar sistema ta’ ħlas contactless fuq 400 karozza tal-linja, kollha mħaddma mill-Malta Public Transport. 

Jekk tkun passiġġier fuq karozza tal-linja issa tista’ tuża l-contactless card tal-bank, l-ismartphone jew l-ismartwatch tiegħek sabiex tħallas il-biljett tal-karozza tal-linja.

Il-Ministru Ian Borg stqarr li din is-sistema conctactless, se tkompli tgħolli l-kwalità tas-servizz tal-ivvjaġġar tal-karozzi tal-linja. 

Il-Ministru saħaq ukoll li “[d]an l-aċċess faċli se jkun fundamentali għaliex huwa pass ieħor eqreb li se jkompli jwassalna għall-viżjoni ta’ dan il-gvern favur il-kunċett tal-intermodalità u allura l-fatt li se nkomplu ninċentivaw aktar nies sabiex jużaw mezzi alternattivi minbarra l-karozza privata. Apparti hekk, din l-inizjattiva hija miżura oħra sabiex jitnaqqas it-tixrid tal-flus kontanti minn id għal oħra. Permezz tal-pandemija nazzarda ngħid li ħassejna wkoll il-kumdità li joffru tranżazzjonijiet diġitali u b’hekk konna proattivi sabiex nintroduċu teknoloġija avvanzata li tadotta dan il-metodu wkoll. Rajna wkoll kemm it-trasport pubbliku kien essenzjali biex is-servizzi bażiċi f’Malta u f’Għawdex baqgħu għaddejjin u għalhekk bħala gvern ninsabu fiduċjużi li l-contactless payment se jagħmel differenza kbira fil-kwalità tal-prodott sħiħ.” 

Iċ-Ċermen tal-Awtorità tat-Trasport, Joseph Bugeja qal li l-introduzzjoni ta’ ħlas contactless huwa riżultat ta’ djalogu kontinwu li Transport Malta, bħala regolatur, tagħmel mal-Malta Public Transport u m’imsieħba soċjali oħra biex tibqa’ ssaħħaħ is-servizz.

Il-Maniġer Ġenerali tal-Malta Public Transport, Konrad Pulé, spjega kif is-servizzi contactless jagħmlu l-vjaġġ tal-passiġġieri aktar faċli; “[m]eta introduċejna tal-linja card fl-2015, din kienet l-ewwel waħda għal Malta u malajr saret l-iktar mod popolari biex tħallas il-biljett tiegħek. Bis-sistema l-ġdida contactless fil-karozzi tal-linja tagħna dawk il-passiġġieri li jippreferu jħallsu għal biljetti individwali jkunu jistgħu wkoll jesperjenzaw imbark aktar mgħaġġel u effiċjenti meta jivvjaġġaw bit-trasport pubbliku.”

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com