Investiment Ta’ €400,000 Fi Proġetti Rivoluzzjonarji Fit-Teknoloġija Ajruspazjali

 Investiment Ta’ €400,000 Fi Proġetti Rivoluzzjonarji Fit-Teknoloġija Ajruspazjali

L-Istitut tat-Teknoloġija Spazjali u l-kumpanija QuAero Ltd. qegħdin jaħdmu fuq żewġ proġetti ewlenin ta’ riċerka li huma ‘SmartAP’ u ‘TOUCH-FLIGHT’.

‘TOUCH-FLIGHT’ huwa kunċett fejn il-bdot jikkontrolla ajruplan minn ‘tablet’ wieħed b’touch screen, kif ukoll bil-kliem. B’hekk il-bdot ikun jista’ jikkontrolla s-sistemi abbord l-ajruplan b’mod iktar immedjat u komdu. Dan huwa kunċett innovattiv u għal dan l-Università ta’ Malta u QuAero Ltd diġà ngħataw ‘patent’ fl-Istati Uniti.

‘SmartAP’ jibni fuq il-kunċett ta’ ‘TOUCH-FLIGHT’ biex b’hekk l-Università ta’ Malta u QuAero Ltd. issa qed jiżviluppaw pakkett ta’ teknoloġiji  li jistgħu jintroduċu bidla sostanzjali fil-mod ta kif il-bdoti jikkontrollaw l-ajruplan, kif ukoll is-sigurtà waqt it-titjira. 

Dan il-proġett juża l-intelliġenza artifiċjali biex jgħin lill-bdoti jieħdu d-deċiżjonijiet waqt it-titjira. Minkejja li dan il-kunċett japplika għall-kategoriji kollha tat-titjir, huwa immirat partikolarment għall-ajruplani l-kbar tal-passiġġieri.

Dawn il-proġetti setgħu jkunu possibbli grazzi għal fondi ta’ madwar €400,000 mill-programm Fusion fi ħdan l-MCST.

Il-Ministru għar-Riċerka, Innovazzjoni u Koordinazzjoni tal-Istrateġija għal wara l-COVID-19, Owen Bonnici spjega li l-Istitut tat-Teknoloġija Ajruspazjali għandu rwol ewlieni fil-qasam tar-riċerka u l-innovazzjoni f’dak li għandu x’jaqsam mat-teknoloġija ajruspazjali u diġà ħadem fuq bosta proġetti ta’ suċċess taħt id-direzzjoni tal-investigatur ewlieni l-Prof Ing David Zammit. 

Il-Ministru Bonnici spjega li “QuAero Ltd. hija kumpanija li taħdem fir-riċerka u toffri servizzi fil-qasam tal-avjazzjoni kummerċjali u huwa ta’ sodisfazzjoni kbir meta naraw kumpaniji privati jikkollaboraw b’mod daqstant tajjeb mad-dinja akkademika”.

‘SmartAP’ u ‘TOUCH-FLIGHT’ jibnu fuq riċerka kollaborattiva internazzjonali oħra, primarjament taħt il-‘Frameworks Programmes’ tal-Unjoni Ewropea, fejn l-Università ta’ Malta ħadmet għal aktar minn ħmistax-il sena ma’ kumpaniji ewlenin Ewropej fl-industrija tal-avjazzjoni, bħal Thales, Alenia u Airbus. Permezz tal-programm Fusion, innovazzjoni Maltija issa qed tirriżulta f’teknoloġiji ta’ interess u valur fil-qasam tal-avjazzjoni madwar id-dinja.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com