Apporvata L-Liġi Tal-Kirjiet Ta’ Qabel L-1995
Il-Parlament approva b’mod unanimu l-Abbozz li jirriforma l-kirjiet residenzjali privati.
Il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali Roderick Galdes iddeskriva r-riforma bħala pass storiku li jiżgura l-protezzjoni lil min jeħtieġ u dħul xieraq lis-sidien tal-proprjetà.
Tenna li l-gvern għeleb il-biża’ ta’ amministrazzjoni wara l-oħra li jindirizzaw l-anomaliji fis-suq tal-kera fejn b’kuraġġ, daħal għal din ir-riforma importanti li kienet ilha tgerbeb mis-snin għoxrin tas-seklu l-ieħor, wara li assigura li l-qasam tal-akkomodazzjoni jiflaħ għal tali bidla.
Is-sidien kisbu d-dritt għall-kera li tirrifletti l-valur tal-proprjetà fis-suq miftuħ, b’mekkaniżmu awtomatiku li jżid il-kera skont l-indiċi tal-prezz tal-proprjetà.
Il-bilanċ intlaħaq permezz ta’ benefiċċju tal-kera b’saħħtu li jista’ jlaħħaq €10,000 fis-sena. Għal inkwilini li jikkwalifikaw għall-protezzjoni, il-benefiċċju se jassigura li min jaħdem ma jħallasx aktar minn 25% tad-dħul tiegħu fuq il-kera, u se jassorbi ż-żieda kollha fil-kera tal-pensjonanti.