F’Malta X’Se Tkun L-Istrateġija Nazzjonali Għal Wara L-Pandemija?

 F’Malta X’Se Tkun L-Istrateġija Nazzjonali Għal Wara L-Pandemija?

Fi stqarrija maħruġa mill-Ministeru għar-Riċerka, l-Innovazzjoni u l-Kordinazzjoni tal-Istrateġija għal Wara Covid-19 u l-Ministeru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru ingħad li bħalissa qed issir diskussjoni fl-MCESD dwar il-punti ewlenin li se jkunu l-bażi tal-istrategija nazzjonali għal wara l-pandemija

Fi ħdan il-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali saret diskussjoni dwar l-oqsma tematiċi u l-mistoqsijiet ewlenin li għandhom ikunu l-bażi tal-Istrateġija Nazzjonali għal wara l-pandemija li se tiġi ppubblikata qabel it-tmiem tat-tieni kwart tas-sena.

F’laqgħa preseduta miċ-Chairperson tal-MCESD is-Sur Jimmy Pearsall, il-Professur Simone Borg, li qed tmexxi l-isteering group li qed jieħu ħsieb it-tfassil tal-istrateġija, tat spjegazzjoni tat-tnax-il qasam tematiku li qed jiġu proposti li jservu bħala bażi għall-istrateġija nazzjonali.

Hija qalet li dawn l-oqsma tqiegħdu għall-konsultazzjoni pubblika, li se tagħlaq fi tmiem dan ix-xahar. Spjegat li saru diversi laqgħat ma’ numru ta’ sħab soċjali u entitajiet oħrajn u jinħass sentiment pożittiv dwar il-bżonn ta’ strateġija orizzontali li tħares lejn is-snin li ġejjin.

Għal-laqgħa attendew ukoll il-Ministru għar-Riċerka, l-Innovazzjoni u l-Kordinazzjoni tal-Istrateġija għal Wara Covid-19 Owen Bonnici u l-Ministru fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prim Ministru Carmelo Abela.

Il-Ministru Bonnici spjega li frott id-deċiżjonijiet għaqlin li ttieħdu mill-gvern matul il-pandemija, pajjiżna jinsab f’qagħda ekonomika u soċjali b’saħħitha u hu imbassar li Malta se tkun waħda mill-pajjiżi fi ħdan l-Unjoni Ewropea li se tagħmel irkupru pożittiv u tajjeb wara l-pandemija.

Huwa qal li l-fatt li Malta qiegħda tħares lejn il-futur mill-pożizzjoni ta’ vantaġġ ma jfissirx li m’għandniex nitkellmu fuq għada. Anzi għandna nfasslu flimkien viżjoni għal Malta fis-snin li ġejjin f’dinja mibdula wara l-pandemija.

Min-naħa tiegħu, il-Ministru Carmelo Abela qal li l-irkupru ekonomiku mill-pandemija se jkun l-ixprun ta’ ekonomija iżjed diġitali u ħadra, b’metodi ġodda ta’ xogħol li għandhom jgħinu l-istess irkupru. F’dan il-kuntest, semma l-importanza tal-kundizzjonijiet tax-xogħol għall-ħaddiema, u kif dawn għandhom ikunu parti mid-diskussjoni waqt l-irkupru. Il-Ministru esprima t-twemmin tiegħu li dan se jwassal għal iżjed produttività u jkun hemm ambjent iżjed pożittiv fuq il-post tax-xogħol.

“Fl-istess waqt iżda, wieħed għandu jħares lura għaż-żmien ta’ qabel il-pandemija u jagħti każ ta’ dak kollu li kien qed isir b’mod tajjeb, u flimkien miegħu inżidu mhux biss it-triq ’il quddiem għal wara l-pandemija, iżda anke tagħlimiet li għalmitna l-pandemija. Dawn it-tliet elementi għandhom jiggwidawna biex noħolqu ekonomija ġdida li tkun iktar reżiljenti u sostenibbli minn qatt qabel,” qal il-Ministru Carmelo Abela.

Wieħed jista’ jipparteċipa fil-proċess ta’ konsultazzjoni billi jidħol fuq https://konsultazzjoni.gov.mt.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com