Terġa’ Tissaħħaħ Il-Fiduċja Fid-Djar Tal-Anzjani
Il-Ministru għall-Anzjani u l-Anzjanità Attiva Michael Farrugia sostna li hekk kif is-sitwazzjoni preżenti tal-pandemija tal-Covid-19 hija kontrollata, il-poplu qed jerġa’ jikseb il-fiduċja tiegħu fid-djar tal-anzjani. Dan jirriżulta min-numru ta’ approvazzjonijiet ta’ talbiet għad-dħul fid-djar tal-anzjani.
Qal li l-intenzjoni tal-gvern hi li jkompli jsaħħaħ is-servizzi li jiġu pprovduti fid-djar residenzjali billi jidħlu fis-seħħ standards ogħla kemm fil-kura offruta kif ukoll fl-ikel li jiġi servut. Tenna wkoll li l-Awtorità dwar l-Istandards għall-Ħarsien Soċjali se tkun qed iżżid il-moniteraġġ li tagħmel f’dan ir-rigward u fil-fatt, diġà ssottomettiet lista ta’ standards għal djar residenzjali li mistennija jitħabbru għal konsultazzjoni pubblika dalwaqt.
Il-Ministru Michael Farrugia qal ukoll li b’iżjed minn 90% ta’ anzjani li jgħixu fid-djar residenzjali u li ħadu t-tilqima kontra l-Covid-19, in-numru ta’ każi attivi naqas u issa dħalna fit-tieni ġimgħa fejn ma ġie rrappurtat ebda każ pożittiv fid-djar residenzjali. Barra minn hekk, kien hemm ukoll tnaqqis drastiku fin-numru ta’ mwiet li ġew irrappurtati.
Il-Ministru Farrugia tkellem dwar in-nuqqas ta’ każi li ġew irrappurtati minn qraba ta’ anzjani dwar l-ikel offrut. Huwa qal li bir-rilaxx tal-miżuri, il-qraba kienu inqas imħassbin peress li setgħu jaraw lill-anzjani b’mod aktar frekwenti.
Fakkar li l-gvern dan l-aħħar introduċa s-servizz ta’ espert dwar id-dieta tal-anzjani u qed isir monitoraġġ kontinwu biex tiżdied il-kwalità tal-ikel li jkun adattat skont id-dieta tal-individwu.
Il-ministru tkellem ukoll dwar aspetti fejn jista’ jsir titjib fis-servizzi, fosthom fid-dawl tal-fatt fejn ġiet irrappurtata bidla fl-attitudni tal-anzjani, b’mod partikolari minħabba s-solitudni li ħakmithom minħabba r-restrizzjonijiet u kellhom jgħixu għal diversi xhur mingħajr kuntatt fiżiku mal-membri tal-familji tagħhom. Il-ministru qal li l-gvern beda wkoll joffri għajnuna psikoloġika kemm lill-anzjani kif ukoll lill-qraba tagħhom u anke lill-istaff fid-djar residenzjali li wkoll għaddew minn ċerti sfidi fuq il-post tax-xogħol tagħhom minħabba l-pandemija.
Fir-riċerka mnedija mill-Awtorità ta’ Standards ta’ Ħarsien Soċjali ser tkompli tgħin sabiex il-ħidma tal-ministeru tkompli tkun ibbażata fuq evidenza. Din l-inizjattiva ser tassigura li jkun hemm numru ta’ indikaturi li jassiguraw u jsostnu l-livell ta’ kwalità fid-djar tal-anzjani filwaqt li jgħinu fil-monitoraġġ li jirriżulta f’azzjonijiet meħtieġa sabiex ikun hemm it-titjib meħtieġ għall-ġid tal-anzjani.
L-iskop ta’ dan l-eżerċizzju huwa li tiġi studjata s-sitwazzjoni u li tittieħed azzjoni fil-mument opportun dwar kwistjonijiet li jaffettwaw lir-residenti u lill-ħaddiema li jieħdu ħsiebhom.