Raġel Ta’ 62 Sena Jinstab Ħati Li Bies Tifla Ta’ 13-Il Sena F’Latrina Ta’ Bandli

 Raġel Ta’ 62 Sena Jinstab Ħati Li Bies Tifla Ta’ 13-Il Sena F’Latrina Ta’ Bandli

Għawdxi ta’ 62 sena minn Għajnsielem tpoġġa taħt ordni ta’ probation għal tliet snin wara li nstab ħati li bies tifla ta’ 13-il sena f’latrina tan-nisa. Ir-raġel, li qed jieħu kura psikjatrika, kien mixli li fit-3 ta’ Novembru 2019 fix-Xewkija kkorrompa tifla taħt l-età u li kkommetta att ta’ natura sesswali mingħajr il-kunsens tagħha.

Huwa ma kienx instab ħati taż-żewġ akkużi madankollu l-Avukat Ġenerali appella fejn talab li tinbidel is-sentenza fir-rigward tat-tieni akkuża.

Mill-provi rriżulta li l-inċident seħħ fil-bandli tax-Xewkija waqt li t-tifla kienet qed titbandal. Huwa talabha tmur ħdejh u hija hekk għamlet għax ħasbet li kellu bżonn xi ħaġa. Ir-raġel staqsiha jekk setgħux jidħlu fil-latrina tan-nisa u hija hekk għamlet. X’ħin kienu ġewwa għannaqaha, bies għonqa, mess il-warrani tagħha u staqsiha jekk setax ibusha. Hija weġbitu le, telqet ‘il barra u marret tgħid lil ommha li wkoll kienet fil-bandli.

L-Omm ikkonfronatu u wara li staqsietu għaliex għamel hekk mbuttatu u huwa qalilha biex ma tmissux għax diżabbli.

Il-missier kien infurmat bil-każ u ċempel lill-Pulizija fejn ir-raġel kien arrestat fuq il-post.

L-Imħallef Consuelo Scerri Herrera kkonfermat in-nuqqas ta’ ħtija fuq l-ewwel akkuża u sabitu ħati fuq it-tieni akkuża, li wettaq att ta’ natura sesswali mingħajr il-kunsens tat-tifla.

Hu tpoġġa fuq probation għal tliet snin u ġie ordnat biex ma jersaqx lejn bandli kif ukoll biex ikompli jieħu l-kura psikjatrika.

Il-każ kien investigat mill-Ispetturi John Spiteri u Josef Gauci.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com