Imut Salvu Dalli – Kien Akkużat Li Qatel Lil Ibnu

 Imut Salvu Dalli – Kien Akkużat Li Qatel Lil Ibnu

Tħabbret il-mewt ta’ Salvu Dalli, ir-raġel ta’ 68 sena minn Ħal Għaxaq li kien qed jistenna li jgħaddi ġuri dwar il-qtil ta’ ibnu Antoine ta’ 37 sena.

Il-qtil kien seħħ fis-7 ta’ Awwissu 2020 fid-dar tal-istess Salvu Dalli fi Triq il-Gudja wara li nqala’ argument bejniethom.

Il-vittma kien instab mejjet fix-‘shower’ b’tir fl-istonku li skont l-esperti forensiċi ġie sparat mill-viċin.

Mill-provi li kienu tressqu fl-istadju tal-kumpilazzjoni quddiem il-Maġistrat Marse-Anna Farrugia rriżulta li t-tnejn li huma kienu ilhom bl-argumenti bejniethom.

Dakinhar il-vittma sgassa l-bieb tad-dar ta’ missieru u kien hawn li seħħet l-isparatura bil-missier jgħid li kien qed jiddefendi lilu nnifsu.

Fil-fatt 24 siegħa qabel il-Pulizija kienet irċeviet rapport li l-iben kien hedded lil missieru.

Dalli kien inħeles mill-arrest fi Frar li għadda wara seba’ xhur miżmum taħt arrest.

L-€10,000 depożitu nħarġu minn tliet persuni li kienu lesti jagħmlu tajjeb għall-ħelsien ta’ Dalli.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com