Ir-Rebbieħ Tal-Eurovision Illum Mistenni Jagħmel Test Għad-Droga
Damiano David, il-kantant ta’ Måneskin illum mistenni jagħmel test għad-droga, dan wara l-kontroversja li qamet is-Sibt fejn allegatament il-kantant ta’ Måneskin deher qed jieħu xi tip ta’ droga fil-‘green room’.
Fi stqarrija, il-European Broadcasting Union, l-EBU, qalet li hija konxja mill-fatt li l-kantant tal-grupp rebbieħi qed jiġi akkużat li ħa d-droga waqt il-finali tal-Eurovision Song Contest.
L-EBU qalet li l-grupp Måneskin ċaħad li jagħmel użu mid-droga. Żiedet, li l-kantant tal-grupp qal li se jagħmel test għad-droga.
L-EBU qalet li ġiet infurmata mid-delegazzjoni Taljana li ebda droga ma kienet preżenti fil-Green Room fl-arena Ahoy f’Rotterdam is-Sibt. Id-delegazzjoni Taljana żiedet tgħid li kif qal Damiano f’konferenza tal-aħbarijiet wara l-festival huwa nqabad ibaxxi ħarstu lejn il-mejda għax tkissret tazza u mhux għax kien qed jieħu d-droga.