Jinstabulu Eluf Ta’ Ritratti Ta’ Nisa Meħuda B’Kamera Moħbija Fit-Toilet
Espert tal-qorti dalgħodu żvela informazzjoni xokkanti fil-qorti dwar sejba ta’ eluf ta’ ritratti ta’ nisa li ttieħdu b’camera moħbija li tqiegħdet f’toilet tan-nisa. Ir-ritratti nstabu fuq tagħmir elettroniku ta’ Albert Buttigieg li jinsabu mixli b’ħasil ta’ flus.
Dan ħareġ waqt il-kumpilazzjoni tax-xhieda fil-konfront ta’ Buttigieg u Floren Sultana. It-tnejn jinsabu mixlija b’ħasil ta’ flus permezz ta’ żewġ restoranti, wieħed fil-Belt u ieħor f’Marsaxlokkk.
Fix-xhieda tiegħu, l-espert tal-qorti Martin Bajada, li tqabbad janalizza t-tagħmir elettroniku li ġie kkonfiskat mill-pulizija, xehed li sab mal-14,000 ritratt li jidher li ttieħdu minn camera moħbija f’toilet tan-nisa. Huwa ma speċifikax jekk il-cameras tqiegħdux fit-toilets tar-restoranti msemmija.
Bajada xehed li analizza xejn inqas minn 32 tagħmir elettroniku li kienu jinkludu 28 USB, micro SD cards, mobile phones u laptops.
Din ix-xhieda ħalliet lill-Maġistrat Donatella Frendo Dimech maħsuda u ordnat lill-Kummissarju tal-Pulizija biex jinvestiga l-informazzjoni żvelata minn Bajada.
Buttigieg ex-uffiċjal għoli tal-Bank BNF jinsab akkużat li kien qed jidher għal kumpaniji li kienu jmexxu r-restoranti Porticello fil-Belt u Capo Mulini f’Marsaxlokk biex jinħaslu flus li allegatament kienu ġejjin minn kutrabandu taż-żejt.
Fis-seduta ta’ dalgħodu xehdu wkoll ex-ħaddiema taż-żewġ restoranti.
L-ex chef Alessandro Dipieroi xehed li huwa kien jitħallas b’ċekk u kkonferma li Floren Sultana kienet tmexxi dak li kien magħruf bl-isem ta’ Scoglitti Restaurant waqt li Albert Butigieg kien imexxi Capo Mulini. Ħaddiema oħra xehdu li huma wkoll kienu jitħallsu b’ċekk.
L-Avukat Stefano Filletti u Martina Cuschieri qegħdin jidhru għall-akkużati.
Il-Prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Ispetturi Joseph Xerri, James Turner u Omar Caruna. Huma qed jiġu assistit mill-Avukat Antoine Agius Bonnici u Cinzia Azzopardi Alamango mill-Uffiċċjut al-Avukat Ġenerali.