Tinfaqa’ Bużżieqa Oħra F’Wiċċ Il-Partit Laburista – PN

 Tinfaqa’ Bużżieqa Oħra F’Wiċċ Il-Partit Laburista – PN

Hija gidba li l-Partit Nazzjonalista ħadem biex ikun hemm diskussjoni fil-Parlament Ewropew dwar l-immaniġjar tal-fondi Ewropej f’Malta. Dawn id-diskussjonijiet tekniċi bil-parteċipazzjoni tal-OLAF u l-Kummissjoni Ewropea jsiru b’mod regolari fuq l-Istati Membri kollha, u llum kien imiss lil Malta, sostna l-Partit Nazzjonalista fi stqarrija.
Il-Partit Nazzjonalista sostna li “llum, il-bużżieqa tal-Partit Laburista infaqgħet f’wiċċu, tant li l-MEPs tiegħu spiċċaw iwaqqgħu isem Malta għaċ-ċajt.”
Il-Partit Nazzjonalista sostna li hu kburi bis-sistema tal-immaniġjar tal-fondi Ewropej li teżisti f’Malta kif saret meta pajjiżna daħal bħala stat membru tal-Unjoni Ewropea.
Il-Partit Nazzjonalista żied jgħid li l-ewroparlamentari Laburisti kkonfermaw kemm m’għandhomx idea ta’ kif jaħdem il-Parlament Ewropew. Il-PN qal li “ma jafux jagħmlu differenza bejn diskussjoni teknika u punt politiku. Għalihom l-importanti kien li d-diskors li ppreparaw imorru jaqrawh, irrelevanti mill-kuntest.”
Il-Partit Nazzjonalista qal li jkun aktar għaqli li kieku l-Partit Laburista, minflok iħarreġ u juża d-deputati tiegħu fil-Parlament Ewropew biex jivvintaw l-istejjer, jibdew jaħdmu għall-ġid tal-poplu Malti u Għawdxi.
Il-Partit Nazzjonalista, permezz tal-ewroparlamentari Roberta Metsola u David Casa, hu kommess li jibqa jaħdem biex jinkisbu aktar fondi ewropej għall-Maltin – kif dejjem għamlu.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com