Steward Health Care Malta Tintroduċi S-Servizzi Ta’ GU Clinic F’Għawdex

 Steward Health Care Malta Tintroduċi S-Servizzi  Ta’ GU Clinic F’Għawdex

L-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex, li hu amministrat minn Steward Health Care Malta, fetaħ uffiċjalment l-ewwel klinika ġenitourinarja, jew GU clinic, f’Għawdex. Il-klinika se tibda tkun miftuħa kull ħmistax, nhar ta’ Ġimgħa waranofsinhar, u se toffri għadd ta’ servizzi marbuta mal-prevenzjoni u l-kura tal-mard u l-infezzjonijiet li jinxterdu sesswalment (magħrufa aktar bħala STDs u STIs, rispettivament) bħala parti mis-servizz nazzjonali tas-saħħa.

Fid-diskors tiegħu fl-okkażjoni tal-ftuħ, id-Direttur Eżekuttiv tal-Isptar ta’ Għawdex, Joseph Fenech, qal li l-klinika l-ġdida tagħmel parti mill-isforzi ta’ Steward Health Care li tipprovdi firxa usa’ ta’ servizzi lis-soċjetà Għawdxija u lil min jgħix Għawdex, kif ukoll lil min iżur din il-gżira.

Il-pazjenti li jirrikorru għal din il-klinika jsibu għażla wiesgħa ta’ servizzi għall-analiżi ta’ kundizzjonijiet bis-sintomi u għal oħrajn bla sintomi. L-istaff professjonali tal-GU clinic joffri testijiet għall-identifikar ta’ mard trażmess sesswalment, bħal chlamydia, gonorrhoea, herpes, HPV, HIV, syphilis, u epatite fost l-oħrajn, u għall-kura tiegħu, li tinkludi mezzi bħall-
krijoterapija. Il-prevenzjoni tal-HIV tikkonsisti f’pariri mediċi fuq il-PReP (Pre-exposure prophylaxis) u l-PEPSE (Post-exposure prophylaxis), li huma pprovduti wkoll minn din il-klinika l-ġdida f’Għawdex.

Il-prevenzjoni tal-mard li jinfirex bis-sess qed tingħata prijorità bl-edukazzjoni sesswali u b’pariri fuq is-sess bla riskji u l-kontraċezzjoni. Is-servizzi kollha tal-GU clinic huma offruti f’kunfidenzjalità stretta. Fenech qal li, “Il-kunfidenzjalità, jiġifieri li nipprovdu ambjent sigur għall-pazjenti biex ma jiġux iġġudikati u jingħataw servizz sħiħ marbut mas-saħħa sesswali, għalina hi importanti ħafna. Il-pazjenti ma jintalbux in-numru tal-identità. Minflok, jingħataw kodiċi li jibqa’ jintuża għat-testijiet kollha. Dan hu pass ieħor biex niżguraw il-privatezza u l-kunfidenzjalità tal-klijenti tagħna.”

Fit-tnedija tal-klinika tkellem ukoll il-Koordinatur ta’ LGBTI+ Gozo, Eman Borg, li laqa’ dan is-servizz. Qal li l-inizjattiva ta’ Steward Health Care Malta qed tagħti prijorità lis-saħħa sesswali tal-Għawdxin. Borg appella lill-Għawdxin kollha biex jużaw dan is-servizz il-ġdid li qed joffri l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex ħalli jkollna soċjetà aktar f’saħħitha.

Steward Health Care Malta qed tikkollabora b’mod attiv mal-għaqdiet mhux governattivi u imsieħba soċjali oħra fil-komunitajiet li taqdi. Il-ftuħ ta’ din il-klinika hu wieħed mill-aħħar investimenti u inizjattivi ta’ Steward Health Care. F’Marzu li għadda, Steward Health Care lestiet il-proġett ta’ rinnovar tad-Dipartiment tal-Fiżjoterapija tal-Isptar Karin Grech wara proġett estensiv ta’ tisbiħ tal-emerġenza u tad-Dipartiment tal-Outpatients tal-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com