Proġett Li Jinvestiga Modi Ġodda Għas-Sejbien Bikri Tal-Kanċer
Proġett fi ħdan il-Fakultà tal-Mediċina u l-Kirurġija tal-Università ta’ Malta ffinanzjat b’fondi mill-programm Fusion fi ħdan il-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija qed itejjeb il-metodoloġiji biex jidentifikaw kanċer metastatiku, jew dak li jinfirex minn parti tal-ġisem għal oħra, fi stadju aktar bikri.
Dan il-proġett, imsejjaħ IMPRINT u li beda f’April 2020, beda jistudja dan it-tip ta’ kanċer fis-sider, fil-parti t’isfel tal-musrana u fil-pulmun, u jiffoka partikolarment fuq tipi ta’ kanċer li mhumiex viżibbli radjoloġikament u għalhekk ir-riżultati ta’ din ir-riċerka għandhom il-potenzjal li jbassru tixrid bikri ta’ tumuri. B’hekk din ir-riċerka għandha tirriżulta f’titjib importanti fil-kwalità tal-ħajja ta’ persuni milquta minn dan it-tip ta’ mard u tnaqqis fl-ispejjeż għall-kura.
Waqt żjara li għamel fil-laboratorji li fihom qed issir ir-riċerka, il-Ministru għar-Riċerka, Innovazzjoni u l-Kordinazzjoni tal-Istrateġija għal Wara l-Covid-19 Owen Bonnici wera s-sodisfazzjon tiegħu li xogħol ta’ riċerka ta’ dan il-kalibru qed isir minn akkademiċi Maltin. “Dan il-proġett ta’ riċerka għandu l-potenzjal li jagħmel differenza kbira fil-mod kif jiġi trattat il-kanċer, u jista’ jtejjeb drastikament il-kwalità tal-ħajja ta’ dawk milquta minnu, kemm f’Malta u kemm barra minn xtutna,” kompla l-Ministru.
Il-Ministru Bonnici spjega kif il-proġett IMPRINT seta’ jsir minn riċerkaturi Maltin bis-saħħa ta’ madwar €200,000 f’fondi mill-programm Fusion fi ħdan l-MCST, u llum jimpjega Research Support Officer 3 fuq bażi full-time u għalhekk qiegħed jipprovdi opportunitajiet ta’ impjieg lil xjenzati b’dottorat fil-qasam tal-bijoloġija molekulari.
Il-proġett IMPRINT huwa kunċett ġdid dwar kif iċ-ċelloli tat-tumur li jiċċirkolaw fis-sistema tad-demm jistgħu jiġu identifikati u kkaratterizzati. Din it-teknika se tiftaħ toroq ġodda għall-biopsija likwida u tista’ tidentifika kanċer metastatiku bikri qabel ma dan ikun jista’ jiġi identifikat permezz tas-sistemi radjoloġiċi li jintużaw sal-lum.
F’dan l-istadju ta’ metastasi daqshekk bikri, ikun aktar possibbli li l-kanċer jiġi attakkat bit-trattamenti b’mod effettiv.
Il-Prof Christian Scerri spjega li permezz ta’ dan il-proġett, s’issa r-riċerkaturi rnexxielhom jiżolaw b’suċċess ċelloli tal-kanċer intatti f’kampjuni tad-demm u jtebbgħuhom. Ir-riċerkaturi rnexxielhom ukoll jottimizzaw teknoloġiji innovattivi ta’ profil molekulari biex ikejlu l-karatteristiċi ta’ dawn iċ-ċelloli iżolati b’aktar reqqa, permezz ta’ testijiet ibbażati fuq numru ta’ żibeġ li jaqraw numru ta’ traskrizzjonijiet (prodotti ta’ ġeni) fl-istess ħin.
Dan il-proġett qed jitmexxa mill-Prof Christian Scerri bħala Investigatur Prinċipali, bil-Prof Godfrey Grech bħala Ko-investigatur u qed isir b’kollaborazzjoni maċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo, l-Isptar Mater Dei.