Se Jinħoloq Ġnien Ġdid F’Ħal Qormi – Propost Li Jissemma Għall-Eks Sindku Renald Falzon

 Se Jinħoloq Ġnien Ġdid F’Ħal Qormi – Propost Li Jissemma Għall-Eks Sindku Renald Falzon

Dan tħabbar mill-Ministru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar Aaron Farrugia, li spjega li l-proġett, li qed isir mill-Kunsill Lokali bħala parti mill-inizjattiva ‘Inħaddru Pajjiżna’, immexxija mill-Ministeru, se jirriżulta f’diversi interventi fi ġnien fil-Housing Estate Ta’ Farsina.

Il-Ministeru se jkun qed jinvesti kważi €200,000 għal diversi interventi, kif ukoll jipprovdi għajnuna teknika fir-rigward tat-tħaddir taż-żona.

Il-Kunsill Lokali qed jipproponi li jiddedika dan il-ġnien għas-Sur Renald Falzon, li serva bħala Sindku ta’ Ħal Qormi sal-2020.

Il-Ministru Farrugia spjega li f’dan il-ġnien se jitħawlu diversi siġar u arbuxxelli, u fost id-diversi inizjattivi li għandhom jittieħdu jinkludu wkoll tisbiħ tas-sit, xogħlijiet ta’ tħaffir, xogħlijiet u tisħiħ tal-konkrit, xogħlijiet fuq mogħdijiet, pavimentar u xogħlijiet fit-toroq, installazzjoni ta’ elementi tal-ilma, tagħmir tad-dawl, landscaping u għamara tat-triq. Tenna li l-iskop ta’ din l-inizjattiva ġenerali hi li tinkoraġġixxi żoni urbani aktar ekoloġiċi, fejn in-nies jgħixu u jaħdmu, sabiex twassal għal sens ta’ kwalità ta’ ħajja aħjar.

Is-siġar u l-arbuxxelli li se jitħawlu jinkludu Cercis siliquastrum, Prunus dulcis, Olea europea, Medicago arborea, Rosmarinus officinalis, Viburnium tinus u Myrtus officinalis. Huwa mbassar li dan il-proġett se jitlesta fi żmien tmien ġimgħat.

Ritratti: DOI, MECP

 

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com