It-Tiratriċi Eleanor Bezzina Ser Tipparteċipa fl-Olimpjadi ta’ Tokyo

 It-Tiratriċi Eleanor Bezzina Ser Tipparteċipa fl-Olimpjadi ta’ Tokyo

Il-Kumitat Olimpiku Malti ħabbar li t-tiratriċi Eleanor Bezzina bħala l-ewwel atleta Maltija b’parteċipazzjoni kkonfermata uffiċjalment fil-XXXII Logħob tal-Olimpjadi f’Tokjo. Bezzina se tkun qed tikkompeti fit-tieni Logħob Olimpiku tagħha – wara li ħadet sehem fl-2016 f’Rio. Għal dawn l-aħħar tlett snin, hija kienet qeda tibbenefika minn Olympic Solidarity Scholarship.

Bezzina bħalissa qed jikkompeti fil-Kampjonati Ewropej f’Osijek, il-Kroazja. Din hija l-ewwel kompetizzjoni tagħha f’erbatax-il xahar. Nhar it-Tnejn, fl-avveniment tal-10m Air Pistol, hija kklassifikat fis-sittax minn 70 kompetitur u tilfet post fil-finali għal żewġ punti biss. L-impenji li jmiss se jkunu nhar it-Tnejn u t-Tlieta meta tikkompeti fl-avvenimenti tal-25m Pistol.

Il-parteċipazzjoni tagħha saret possibbli permezz tat-Tripartite Commission Invitational li toffri opportunita lil-Kumitati Olimpiċi Nazzjonali, li tradizzjonalment bagħtu delegazzjonijiet żgħar fil-logħob, biex ikunu rappreżentati bl-aqwa atletli tagħhom fil-Logħob li jmiss. Bezzina se tkun qeda tikkompeti fl-avvenimenti ta’ sparar fuq ġewwa ta’ 10m u 25m.

Il-Kumitat Olimpiku Malti mistenni li jħabbar xi ismijiet oħra fil-futur qarib peress li għandu jkun hemm opportunitajiet għal parteċipazzjoni permezz tal-istess Kummissjoni u l-Klawsola tal-Universalità li għandha tagħti żewġ postijiet fl-avvenimenti tal-għawm u wieħed fl-atletika. Il-Klawsola tal-Universalità tippermetti lill-Kumitati Olimpiċi, mingħajr atleta kwalifikat, raġel jew mara, li jieħdu sehem f’dawn iż-żewġ dixxiplini.

Il-Logħob Olimpiku tas-Sajf 2020 huwa skedat li jseħħ fil-kapitali Ġappuniża, Tokyo, bejn it-23 ta’ Lulju u t-8 ta’ Awwissu 2021.

 

Ritratt: Matthew Mirabelli

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com