Tiftaħ Sejħa Għall-Proposti Għal KulturaTV 2021 B’Valur Ta’ €240,000
KulturaTV 2021 hija waħda mit-12-il skema RESTART tal-Kunsill Malti għall-Arti li jallokaw fondi diretti li jammontaw għal €3.62 miljun u huma disponibbli b’mod aktar sempliċi, effettiv u sostenibbli.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet li matulha ġew imħabbra dettalji dwar din l-iskema ġdida, il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali José Herrera enfasizza li l-għan tal-iskemi RESTART huwa li jiżguraw l-irkupru b’mod sostenibbli tas-setturi kreattivi u kulturali, billi jiġu mħarsa l-karrieri ta’ dawk involuti filwaqt li jinħolqu opportunitajiet ġodda għall-futur.
Il-Ministru Herrera qal, “Aħna qegħdin hawn biex ngħinu lil dawk involuti fis-settur kreattiv u kulturali sabiex nirrispondu b’mod proattiv għall-ħtiġijiet tas-settur wara l-pandemija, u l-allokazzjoni ta’ dawn il-fondi mill-Kunsill Malti għall-Arti huwa impenn ċar sabiex dan ikun jista’ jinkiseb.”
Il-Ministru kompla, “Biex skemi bħal KulturaTV ikunu ta’ suċċess, is-settur jeħtieġ li joħloq produzzjonijiet ambizzjużi, ta’ kwalità għolja u li jattiraw udjenzi lokali u internazzjonali. L-innovazzjoni, il-kreattività u s-sostenibbiltà huma elementi ewlenin sabiex jinkisbu proġetti ta’ suċċess fi ħdan dan il-qasam.”
KulturaTV tagħti appoġġ fl-iżvilupp ta’ programmi awdjoviżivi ambizzjużi u ta’ kwalità, b’potenzjal għal distribuzzjoni internazzjonali. L-għan huwa li tiġi inċentivata u mtejba l-kwalità tal-programmi televiżivi tal-arti u dawk kulturali fuq stazzjonijiet tax-xandir privati f’Malta. Il-proġetti jistgħu jinkludu produzzjoni ta’ drama oriġinali, dokumentarji kreattivi innovattivi u programmi kulturali. Stazzjonijiet privati liċenzjati mill-Awtorità tax-Xandir ta’ Malta u kumpaniji awdjoviżivi reġistrati huma eliġibbli sabiex japplikaw għall-appoġġ finanzjarju.
L-iskema għandha l-għan ukoll li tagħti appoġġ fit-traduzzjoni ta’ letteratura u skrittura Maltija oriġinali għal kwalunkwe lingwa oħra, inklużi s-sottotitolar/sopratitolar, it-traskrizzjoni u s-sottotitolar deskrittiv – għal films, dokumentarji kreattivi, reċti, drammi televiżivi, animazzjoni, skritturi ta’ prestazzjonijiet, libretti u arti fuq video.
“Il-Kunsill Malti għall-Arti jirreplika s-sejħa tal-Unjoni Ewropea fuq livell lokali,” tenna jgħid il-President Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għall-Arti Albert Marshall. Huwa spjega li s-sejħa tal-Unjoni Ewropea tappella li l-fondi vvotati għall-irkupru tas-settur kulturali u kreattiv jeħtieġu jikkontribwixxu għal Ewropa aktar diġitali fl-operat u l-esplojtazzjoni ta’ pjattaformi ta’ teknoloġija ġodda fil-proċess tal-espressjoni artistika tagħna; u għal Ewropa aktar reżiljenti fil-ħolqien ta’ aktar setturi kulturali u kreattivi sostenibbli.
Id-Direttur għall-Fondi u l-Istrateġija Mary Ann Cauchi spjegat l-objettivi u l-kriterji tal-iskema ta’ KulturaTV, kif ukoll id-dettalji dwar is-sejħa għall-applikazzjonijiet, il-proċessi ta’ preżentazzjoni tal-ideat u ta’ evalwazzjoni u l-isborsi relattivi.
Linji gwida u dettalji ulterjuri dwar l-iskema u dwar kif wieħed għandu japplika għall-fond li qed joffri dan l-appoġġ finanzjarju huma disponibbli fuq www.artscouncil.mt. L-applikazzjonijiet għandhom jintbagħtu online sa nofsinhar tat-30 ta’ Ġunju 2021. Għal appoġġ u għajnuna, wieħed jista’ jikkuntattja lill-Kunsill Malti għall-Arti fuq 23347230, jew b’email fuq [email protected].