Bil-Filmat: Mara Maltija Tirrakkonta Kif Ta’ 12-Il Sena Bdiet Tmur Għall-Prostituzzjoni U Bdiet Tieħu D-Droga
Il-mara li tidher fil-filmat t’hawn taħt tkellmet dwar l-istorja personali tagħha u dwar kif il-YMCA kienu hemm għaliha sabiex setgħet timxi l-quddiem u toħroġ miċ-ċirku vizzjuż li kienet daħlet fih.
Din il-mara tirrakkonta li tilfet lil missierha meta kellha biss sentejn u nofs. Dak iż-żmien minħabba li ommha ma kinitx taf skola u ma setgħetx issib xogħol, biex tmantni lilha nnifisha u lil bintha spiċċat taħdem fil-prostituzzjoni.
Il-mara tirrakkonta, li minkejja li kienet tagħmel dan ix-xogħol, ommha dejjem għamlet li setgħet sabiex tieħu ħsiebha. Hija tirrakkonta kif kienet ukoll issib dejjem hemm għaliha lil nannitha li anki kienet tgħinha fl-iskola. B’hekk, meta tilfitha ta’ 11-il sena, ħasset id-dinja tikrolla u minn hemmhekk qabdet triq li għamlitilha ħafna ħsara.
Ta’ 12-il sena hija daħlet fil-ħajja tal-prostituzzjoni u minn hemm spiċċat biex anki bdiet tieħu d-droga. Hija tgħid, li ommha, minkejja li hi stess kienet prostitutà, kienet ħaditha bi kbira ħafna li bintha kienet qed tagħmel l-istess xogħol u ġieli anki bagħtitilha l-pulizija.
Wara 10 snin din il-mara tilfet anki lil ommha, u minn hemm żiedet l-użu tad-droga, tant li wara li mietet ommha pruvat anki tagħmel overdose.
Minħabba din il-ħajja li spiċċat fiha, hija qattgħet xi żmien il-ħabs, sakemm imbagħad iddeċidiet li matul l-aħħar sena ta’ priġunerija tagħmel il-programm kontra d-droga.
Minn hemmhekk dawret ħajjitha ta’ taħt fuq, tant li illum taħdem u qed tgħix ħajja indipdendenti. Hija tgħid li illum timmissja lil ommha aktar minn qatt qabel, għaliex tixtieq li tkun hawn magħha ħalli turiha kemm irnexxielha timxi ‘l quddiem.
Din il-mara tisħaq li waslet fejn waslet grazzi għall-YMCA, għaliex meta ma kellix fejn tmur toqgħod sabet lilhom hemm għaliha sakemm tieħu r-ruħ. Li kieku ma kienx hemm il-YMCA probabbilment li din il-mara kien ikollha terġa’ ddur għall-prostituzzjoni sabiex tagħmel il-flus biex tgħix, u b’hekk tispiċċa terġa’ taqbad it-triq l-iebsa mill-ġdid.
Għada inti tista’ tgħin lill-YMCA sabiex ikunu jistgħu jgħinu aktar persuni bi stejjer simili. Għada se tkun qed issir maratona ġbir ta’ fondi b’risq din l-għaqda fuq l-istazzjonijiet lokali bejn nofsinhar u nofsillejl.
Ritratt: The Malta Independent