Test tal-COVID-19 Għal Popolazzjoni Kollha
Wara żieda sostanzjali fil-każijiet tal-COVID-19, il-Vietnam ser jagħmel test tal-COVID-19 lil popolazzjoni kollha tal-belt Ho Chi Minh. Dan qiegħed isir bi sforz sabiex tittrażżan il-pandemija, hekk kif uffiċċjali tkellmu fuq varjant ġdid ta’ periklu għoli li nstab fil-pajjiż.
Dan il-varjant jikkombina fih fatturi mill-varjanti li kienu jdentifikati fl-Indja u fl-Ingilterra. Jidher ukoll li dan il-varjant jiġi trasmess mill-arja.
Il-pajjiż irreġistra total ta’ ’l fuq minn 7,000 persuni pożittivi u 47 mewt, bl-aħħar żidied ikunu iktar min-nofs tan-numru totali tal-każijiet.
Matul l-aħħar żviluppi f’Ho Chi Minh irriżultaw 125 persuna pożittiva għall-virus. Dawk li jgħixu viċin ta’ dan il-cluster kienu diġa ttestjati u issa qegħdin taħt lockdown. Bħalissa għaddejjin il-pjanijiet sabiex jiġu ttestjati l-kumplament tan-nies f’Ho Chi Minh, total ta’ 13-il miljun persuna.
Minbarra l-ittestjar, mill-lum bdew ukoll miżuri ġodda ta’ distanza soċjali.
S’issa 1% tal-popolazzjoni jidher li rċeviet mill-inqas doża waħda tal-vaċċin.
Ritratt: CTV News