Tibda Tingħata Għotja ta’ €1,000 Għall-Adozzjoni Lokali
Il-Ministru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal, Michael Falzon f’konferenza tal-aħbarijiet bħala parti mill-kampanja Gvern għan-Nies, it-Tnejn filgħodu fil-Għargħur, ħabbar li daħlet fis-seħħ l-għotja ta’ €1,000 għal min jadotta tfal minn Malta. Din kienet miżura soċjali mħabbra fil-baġit, li ser tkun qiegħda tgħin finanzjarjament lil dawn il-persuni jagħmlu din l-adozzjoni. Din l-għotja tkopri spejjeż marbuta ma’ dokumentazzjoni legali u spejjeż oħra.
Il-Ministru Falzon spjega kif din il-miżura mħabbra dwar l-adozzjonijiet tolqot potenzjalment madwar 90 tifel u tifla li jistgħu jiġu adotatti lokalment.
Il-Ministru Falzon sostna illi dawn l-aħħar erba’ snin jixhdu kemm dan il-Gvern kien hemm għan-nies, sabiex jgħin lil kulħadd, ilkoll mnebbħa minn għan wieħed: dik li titwettaq ġustizzja soċjali. Il-Ministru kompla jispjega li s’issa twettqu 90% tal-miżuri tal-baġit għas-sena 2021, filwaqt li nqabżu id-90% tal-miżuri li jaqgħu taħt il-Ministeru tal-manifest elettorali.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni għas-Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali, Alfred Grixti spjega kif il-Liġi dwar il-Protezzjoni tal-Minuri u l-Kura Alternattiva, li għaddiet mit-tieni stadju, inkludiet ukoll emendi addizzjonali biex tkun irfinata iktar. Għalhekk issa wasal iż-żmien biex numru ta’ tfal ikunu jistgħu jingħaqdu ma’ familji adottivi.
Is-Sur Grixti tkellem ukoll dwar l-għotja tal-€10,000 għall-persuni li jadottaw minn barra l-pajjiż, fejn s’issa kienu 84 koppja u 7 persuni single li bbenefikaw minn din l-għotja. Bejniethom huma adottaw 115 tifel u tifla u bbenefikaw minn madwar miljun ewro.