L-Anzjani Fid-Djar tal-Kura Soċjali Se Jirċievu €100 F’Kontribuzzjoni Diretta
Fi stqarrija mill-Ministeru għall-Ekonomija u l-Industrija ġie mħabbar li l-anzjani li joqogħdu fid-djar tal-kura soċjali, privati jew pubbliċi u li ma jkunux niżżlu l-vawċers online sal-4 ta’ Ġunju, se jirċievu €100 f’kontribuzzjoni diretta sal-aħħar ta’ Ġunju.
L-anzjani ser ikunu jistgħu jirċievu l-ammont permezz ta’ tranżazzjoni diretta onlajn fil-kont tal-bank tagħhom jew permezz ta’ cheque tal-gvern li jirċevuh fid-Djar tal-Kura Soċjali bl-istess mod li jirċievu l-pensjoni. Dan qed isir b’kollaborazzjoni mal-Ministeru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal u l-Ministeru għall-Anzjani u l-Anzjanità Attiva.
Il-Ministru għall-Ekonomija u l-Industrija, Silvio Schembri ħabbar li s’issa 81,103 persuna f’Malta u Għawdex niżżlu b’mod diġitali l-€100 vawċers tal-Gvern. Din l-inizjattiva qiegħda ssir b’investiment ta’ €50 miljun sabiex tkun riġenerata l-ekonomija.
Il-Ministru Schembri ħeġġeġ lill-dawk kollha li għalqu 16-il-sena sal-aħħar ta’ April, sabiex fl-aħħar jiem li fadal, iniżzlu l-vawċers onlajn sa nofs il-lejl nhar l-4 ta’ Ġunju, mis-sit wallet.vouchersmimcol.com.
Il-Ministru fakkar li l-vawċers jistgħu jibdew jintużaw għand negozji eliġibbli mis-7 ta’ Ġunju sal-15 ta’ Settembru, b’dawk li jkunu niżżlu l-vawċers onlajn ikunu jistgħu jibdew jużawhom minnufih, hekk kif il-vawċers ser ikunu fuq l-ismartphones tagħhom għal aċċess faċli kull darba li jkollhom bżonn. Wieħed jinnota ukoll kif il-vawċers imniżżlin onlajn jistgħu jiġu trasferiti lill-persuni oħrajn permezz tal-app.
Għal raġunijiet ta’ sigurtà, il-vawċers imniżżla b’mod diġitali, ma jistgħux jiġu stampati jew mibgħuta bħala ‘screenshot’, hekk kif il-QR Code tagħhom, jiskadi wara ftit minuti minn xħin jinfetħu.
Dawk li ma jkunux niżżlu l-vawċers online, ser jirċievu l-vawċers stampati b’mod awtomatiku, permezz ta’ posta rreġistrata fl-indirizzi residenzjali, wara s-7 ta’ Ġunju.
Il-Ministru spjega li issa n-negozji jistgħu jsibu l-materjal promozzjonali fuq is-sit vouchersmimcol.com fosthom tabelli għal mal-ħwienet li jaċċettaw il-vawċers u d-disinn tal-vawċers għal użu fi promozzjonijiet mnedija minn-negozji marbuta mal-vawċers.
Għal kull tip ta’ assistenza l-pubbliku jista’ jikkuntattja il-consumer helpline fuq 80074904 jew [email protected], filwaqt li n-negozji eliġibbli jistgħu jikkuntattjaw il-business helpline fuq 80074950 jew [email protected].