Il-Kunsill Tal-Agrikoltura U Sajd Tal-Unjoni Ewropea
Il-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd, l-Ikel u d-Drittijiet tal-Annimali, Anton Refalo attenda l-Kunsill tal-Agrikoltura u Sajd tal-Unjoni Ewropea li sar bejn is-26 u t-28 ta’ Mejju fi Brussell. Il-pakkett ta’ riforma tal-Politika Agrikola Komuni ta’ wara l-2020 kien il-punt ewlieni fuq l-aġenda bl-għan li jintlaħaq ftehim sal-Ġimgħa 28 ta’ Mejju.
In-negozjati ġew sospiżi u mistennija jkomplu fil-laqgħat li jmiss. Il-kwistjonijiet ewlenin tad-diverġenza jinkludu allokazzjonijiet finanzjarji għall-arkitettura ħadra, il-konverġenza interna, u d-dimensjoni soċjali. Jidher li se jsir tentattiv ieħor biex jingħalqu n-negozjati fil-laqgħa finali tal-Presidenza Portugiża f’Ġunju.
Matul l-intervent tiegħu, il-Ministru Anton Refalo ddikjara li l-pakkett il-ġdid tal-Politika Agrikola Komuni għandu jkun strumentali biex jgħin lill-bdiewa u li d-deċiżjonijiet m’għandhomx iwasslu għal inqas produzzjoni u jew abbandun tal-art. Tenna li bħala ministru għandu r-responsabbiltà li jipproteġi l-interessi tal-bdiewa Maltin u jħares il-biċċa l-kbira tal-kisbiet milħuqa matul l-Approċċ Ġenerali tal-Kunsill t’Ottubru.
Il-ministri ddiskutew ukoll il-pjan ta’ azzjoni għall-iżvilupp tal-produzzjoni organika tal-Unjoni Ewropea li ġie mressaq mill-Kummissjoni Ewropea. Il-Ministru Refalo laqa’ l-Pjan t’Azzjoni ambizzjuż tal-Kummissjoni għall-iżvilupp tal-produzzjoni organika, li speċifikament irrikonoxxa l-punti differenti tat-tluq tal-istati membri. Huwa żied li azzjonijiet immirati lejn il-promozzjoni tal-biedja organika, it-tisħiħ tal-fiduċja tal-konsumatur, u l-prevenzjoni tal-frodi tal-ikel huma kollha għodda meħtieġa biex isaħħu s-settur organiku. Il-Ministru Anton Refalo enfasizza l-ħtieġa ta’ flessibilità fl-organizzazzjoni tal-ordni tal-azzjonijiet b’mod li jirrispetta s-sitwazzjoni individwali tal-istati membri, kif ukoll fil-mod kif tiġi stabbilita l-intensità tal-finanzjament b’appoġġ għall-biedja organika fi ħdan skemi finanzjarji mfassla apposta.