Bradley Mifsud Jikser Ir-Rekord Nazzjonali Tal-Javelin F’Andorra
Bradley Mifsud kiser ir-rekord nazzjonali tat-tfigħ tal-Javelin waqt il-Kampjonati Nazzjonali ta’ Andorra li saru fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet. Mifsud, atleta ta’ Pembroke, irritorna għall-kompetizzjonijiet wara waqfa ta’ 18-il xahar, b’tefa’ ta’ 66.47m, biex niżżel ismu fl-istorja tal-atletika Maltija.
32 atleta minn Malta ħadu sehem bħala mistiedna f’dawn il-Kampjonati li saru f’Andorra La Vella, fejn kellhom oppożizzjoni b’saħħitha f’għoli ta’ madwar 1,110m. Żewġ atleti oħra rreġistraw rekords tal-kategorija tal-età tagħhom.
Rachela Pace (Pembroke) kisret rekord Nazzjonali fil-kategorija ta’ taħt l-20 sena fit-triple jump b’qabża ta’ 12.23m filwaqt li Antonella Chouhal (Rush) kisbet rekord ġdid fil-hammer throw fil-kategorija Over 45.
Fost prestazzjonijiet notevoli oħra, Claire Azzopardi (Pembroke) qabżet 12.62m fit-triple jump, biex spiċċat l-ewwel post, filwaqt li Ian Grech irreġstra 14.60m fl-ewwel qabża tiegħu dan l-istaġun. Graham Pellegrini (Pembroke) rebaħ it-tellieqa tal-200m bl-aqwa ħin personali għalih ta’ 22.29s u l-aqaw ħin personali ieħor anke fl-400m fejn temm f’49.18s, riżultat li jpoġġih 0.02s biss ‘il bogħod mir-rekord nazzjonali ta’ taħt it-18-il sena li ilu ma jinkiser mill-2008.
Janet Richard (Pembroke) rebħet l-400m f’46.00s hekk kif tkompli t-tħejjija tagħha għall-Olimpjadi. Hija għadha kif temmet kamp ta’ taħriġ ta’ tliet ġimgħat f’Potenza, fl-Italja.
Daniel Saliba (Pembroke), spiċċa t-tieni b’15.25s bil-110m hurdles f’tellieqa li saret waqt kundizzjonijiet diffiċli tat-temp. Sarah Busuttil (Pembroke) spiċċat it-tieni fil-100m (12.18) u rebħet il-200 metru f’ħin ta’ 25.32s. Luke Bezzina (Pembroke) irnexxilu jinżel taħt il-11-il sekonda fil-100m, b’ħin ta’ 10.91, li fisser it-tieni post għalih.
Riżultat b’saħħtu wkoll għal Chris Chetcuti ta’ Pembroke li kiseb l-aqwa ħin personali ta’ 1.55.28 fit-800m. Dillon Cassar ta’ Mellieħa rreġisra prestazzjoni oħra brillanti fuq distanza ta’ 5,000 metru fejn spiċċa t-tieni b’15.01.03.
Fi tmiem il-ġimgħa, it-Tim Nazzjonali Malti sejjer San Marino fejn 17-il atleta se jikkompetu fil-Kampjonati tal-Atletika tal-Pajjiżi ż-Żgħar tal-Ewropa.
Ritratt: Atheltics Malta