Investiment Ta’ Aktar Minn Kwart Ta’ Miljun Fit-Tfal Għal Summer Catch-Up Sessions
“L-edukazzjoni ta’ uliedna hija prijorità. Prijorità li għaliha dan il-Gvern jinvesti u jinvesti bil-kbir. Qed inħarsu lejn erba’ snin ta’ investiment fin-nies u riformi, mhux lanqas fis-settur edukattiv”, qalet il-Ministru għall-Edukazzjoni Justyne Caruana dalgħodu meta ħabbret investiment ta’ ftit aktar minn kwart ta’ miljun għal Summer Catch-up Sessions indirizzati biex jagħmlu tajjeb għal studenti li tilfu mill-edukazzjoni tagħhom waqt il-pandemija.
“Illum qed inħabbar investiment ta’ €257,000 għal programm sħiħ ta’ rkupru fit-tagħlim u l-edukazzjoni ta’ uliedna”, kompliet tgħid il-Ministru Caruana, “U dan bħala gvern stajna nagħmluh għaliex kellna ekonomija b’saħħitha”.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi qal li permezz ta’ dan il-programm, li huwa ko-finanzjat minn fondi Ewropej, se jkunu provduti lezzjonijiet addizzjonali għall-istudenti fil-primarja u s-sekondarja biex jingħataw l-opportunità li jirrevedu dak li tgħallmu matul din is-sena skolastika. Huwa qal li dan il-programm huwa maħsub li jassisti lil dawn l-istudenti li matul din il-pandemija sabuha aktar diffiċli biex ikomplu bit-tagħlim tagħhom.
Hu saħaq li matul dawn is-snin għamilna investimenti kbar permezz ta’ fondi Ewropej fil-qasam tal-edukazzjoni. Dan juri kemm dan il-gvern huwa verament gvern għan-nies u li jinvesti fin-nies, għalhekk qed inkomplu ninvestu fl-edukazzjoni ta’ pajjiżna biex inkomplu nippreparaw lil Malta għall-ġejjieni.
Il-Ministru Caruana spjegat li meta faqqgħet il-pandemija f’Marzu tas-sena li għaddiet, waħda mill-ewwel miżuri ta’ prevenzjoni kienet l-għeluq tal-istituzzjonijiet edukattivi. Bħala Gvern u Ministeru għall-Edukazzjoni, kien hemm ħidma biex din ma jkolliex effett fuq uliedna ħalli ma jispiċċawx vittmi ta’ pandemija dinjija li ħolqot sitwazzjonijiet bla preċedent. Ħidma li wasslet biex l-iskejjel fetħu mill-ġdid f’Settembru tas-sena li għaddiet u baqgħu miftuħin matul din is-sena skolastika kollha.
Sakemm fetħu l-iskejjel, kienu provduti mezzi alternattivi ta’ tagħlim, bi skola virtwali, lezzjonijiet online għal kulħadd u tagħlim fuq il-pjattaforma diġitali, filwaqt li nfetħu skejjel virtwali għal studenti li kienu f’riskju.
Minkejja din il-ħidma kollha, studju intern inizjali li sar juri li fl-attendenza matul is-sena skolastika 2020/2021, kien hemm numru għoli ta’ assenteiżmu minn numru sostanzjali ta’ studenti. Huwa għalhekk li b’ħidma intensiva u koordinata, il-Ministeru għall-Edukazzjoni wasal biex joffru programm ta’ rkupru fit-tagħlim, li se jsir matul is-Sajf.
Il-Ministru Caruana qalet li dan se jsir b’mod strutturat u jkunu indirizzati l-ewwel dawk li għandhom rata għolja ta’ assenteiżmu waqt il-pandemija, jiġifieri dawk l-istudenti li għandhom inqas minn għaxra fil-mija attendenza skolastika matul din is-sena (Ottubru 2020-Mejju 2021) u li qabel il-pandemija fis-sena skolastika Ottubru 2019-Marzu 2020, attendew b’mod regolari fl-iskejjel. Dawn l-istudenti ġew identifikati għal kull sena fis-sistema skolastika—minn Year 1 sa’ Year 11, total ta’ 2,360 student (1,190 student tal-primarja; 402 ta’ Year 7 u Year 8 jiġifieri ta’ skejjel medji; u 768 student ta’ Year 9 u Year 10—skejjel sekondarji.
Il-programm imfassal jinkludi firxa mhux biss ta’ lezzjonijiet bażiċi ta’ rkupru, imma wkoll appoġġ permezz ta’ diversi servizzi, li se jsir kemm b’mod fiżiku (in-person) imma wkoll permezz ta’ tagħlim virtwali.
Huwa programm ta’ tmien ġimgħat li jibda mit-12 ta’ Lulju u jibqa’ għaddej sat-3 ta’ Settembru, b’time table ta’ erbat ijiem fil-ġimgħa, bejn it-tmienja u nofs ta’ filgħodu sa’ nofsinhar u l-istudenti se jkunu mqassma fi gruppi skont is-sena skolastika tagħhom minn Year 1 sa’ Year 10.
Biex kollox ikun koordinat, se jkun hemm 4 ċentri ta’ tagħlim għal-livelli primarji: f’Raħal Ġdid, Birkirkara, il-Qawra, u Rabat Għawdex—u l-iskola Nazzjonali virtwali u 4 ċentri ta’ tagħlim għal-livelli medji u sekondarji: f’Santa Luċija, l-Imrieħel, il-Mosta, u l-Iskola Sekondarja f’Għawdex—u l-Iskola Nazzjonali Virtwali, u ċentru għal sessjonijiet tal-Prince Trust International Achieve Programme.
Iċ-Ċentru PTI Achieve Catch-up sessions se jaħseb f’units fuq livelli differenti biex l-istudenti jirkupraw dawk il-units li għandhom bżonn għall-ċertifikat jew kwalifika f’livell MQF 1/2/3.
Il-Ministru Justyne Caruana qalet, “Din l-inizjattiva għandha għan wieħed. Li nagħtu opportunità lill-istudenti tagħna biex jirkupraw dak it-tagħlim li tilfu matul dawn ix-xhur ta’ pandemija li għixna flimkien. Dan il-gvern jinvesti fin-nies, f’uliedna, għaliex dawn huma l-mexxejja u s-soċjetà ta’ għada, il-futur ta’ pajjiżna.
Fil-jiem li ġejjin se joħorġu dettalji dwar kif jistgħu japplikaw dawk interessati.