Il-PN Lest Li Jagħti L-Bajja Ta’ Ħondoq Ir-Rummien Lill-Qalin U Lill-Poplu Kollu
Il-Kunsilliera Lokali tal-Partit Nazzjonalista tal-Qala jilqgħu l-proposta li ħabbar il-PN li jekk jingħata l-fiduċja tal-poplu fl-elezzjoni ġenerali li jmiss, ser jagħti lura lill-Qalin u lill-poplu Malti u Għawdxi kollu, il-bajja ta’ Ħondoq ir-Rummien u z-zona tal-madwar, billi jakkwista l-art privata li hemm biswit il-bajja.
Fi stqarrija Karl Buttigieg Minority Leader tal-Qala u Valerie Cassar Mejlak Kunsilliera Lokali saħqu li preżentament, l-unika zoni li huma tal-gvern huma l-parti tal-bajja fejn hemm ir-ramel u l-moll. Il-kumplament taz-zona li hemm madwar din il-bajja hija f’idejn kumpanija privata, u li ġiet akkwistata minnha mingħand sidien privati oħrajn fl-2002. Għalhekk preżentament, il-Kunsill Lokali tal-Qala u l-gvern, ftit li xejn jistgħu jagħmlu proġetti pubbliċi fiz-zona, u għal din ir-raġuni, illum iz-zona ta’ madwar din il-bajja, inkluż il-parkeġġ, tinsab f’telqa kbira. Il-Kunsilliera tal-PN kienu minn ta’ quddiem li mbuttaw l-proposta biex din iz-zona tinxtara mill-gvern u biex f’din l-istess zona jsir proġett li jitgawda mill-familji Qalin.
Il-proposta tal-PN tinkludi wkoll proġett ta’ riġenerazzjoni fejn z-zona li illum hija privata tiġi mibdula f’park nazzjonali, u jsir proġett ta’ titjib tal-faċilitajiet kollha eżistenti u kif ukoll oħrajn ġodda. Żgur li din il-wegħda tintlaqa’ b’idejn miftuħin mill-maġġoranza tal-poplu kollu tal-Qala, li għal dawn l-aħħar kważi 20 sena ġġieled applikazzjoni għall-proġett ta’ żvilupp massiv għal din iz-zona.
Kien il-Kunsill Lokali tal-Qala mmexxi minn maġġoranza tal-PN, li għamel referendum fuq dan l-proġett li kien propost, fejn 85% tal-Qalin qalu li ma jaqblux ma’ din l-applikazzjoni ta’ żvilupp. Kien l-istess Kunsill Lokali mmexxi mill-PN, li beda oppożizzjoni qawwija kontra dan il-proġett li kien ser ikollu impatt mhux żgħir fuq r-raħal tal-Qala. B’din il-proposta tal-PN, mhux biss se tiġi ppriservata z-zona kollha ta’ madwar il-bajja ta’ Ħondoq ir-Rummien, iżda l-istess zona se tiġi riġenerata u rinovata biex titgawda mill-familji kollha li jżuru din il-bajja mill-isbaħ.
Mill-banda l-oħra, il-Kunsilliera tal-PN, juru d-diżapprovazzjoni tagħhom għall-istqarrija tal-Prim Ministru Robert Abela fejn fl-aħħar sigħat qal li ftit li xejn jista’ jagħmel biex isalva l-bajja ta’ Ħondoq ir-Rummien u l-madwar għax għandu ‘idejh marbutin’.
Il-PN b’din l-aħħar minn sensiela ta’ proposti li ħabbar, juri li qed jisma’ l-karba tal-poplu tal-Qala u tal-Kunsilliera Lokali tal-PN tal-Qala, u lest biex jagħti l-bajja ta’ Ħondoq ir-Rummien u z-zona tal-madwar lill-poplu Malti u Għawdxi kollu. Żgur li bejn id-dikjarazzjoni tal-Prim Ministru li għamel il-bieraħ, u l-proposta li ħareġ il-PN illum, il-poplu tal-Qala jappoġġja bis-sħiħ il-proposta tal-PN li jakkwista l-art ta’ madwar il-bajja tant popolari ta’ Ħondoq ir-Rummien mingħand is-sidien privati, u joħloq park nazzjonali li jitgawda mill-pubbliku Malti kollu.