Il-PM Iżur Il-Ħaddiema Tal-Lukanda ‘The Embassy Valletta’ – Ivestiment Ta’ €13-Il Miljun
Il-Prim Ministru Robert Abela ltaqa’ mal-ħaddiema ta’ ‘The Embassy Valletta Hotel’; l-akbar lukanda fil-Belt Valletta u li tippreżenta 4 stilel.
Dan huwa investiment ta’ kważi €13-il miljun li nkluda renovazzjoni ta’ 11-il sular, bil-lukanda Embassy tinkludi 81 kamra, żewġ restoranti, bar, kamra mgħammra għal-laqgħat, pixxina fuq il-bejt b’temperatura kkontrollata sabiex tintuża s-sena kollha u kmamar tal-fitness u sbuħija.
Isfel inżammu sitt swali taċ-ċinema, b’waħda żgħira li tista’ tinkera bħala ċinema privata u xi ħwienet oħra li ħadu l-opportunità sabiex ikabbru l-ispazju tagħhom.
Il-Prim Ministru Robert Abela rrimarka li filwaqt li kawti għaliex il-pandemija m’għaddietx, l-operaturi fis-settur turistiku wkoll jemmnu li ġej żmien aħjar.
“Tajt il-kelma li l-appoġġ tagħna bħala gvern se jibqa’ hemm u li m’għandniex naqtgħu qalbna, kif wara kollox jixhed l-investiment li sar f’dan il-kumpless”, qal il-Prim Ministru Abela.
Id-Direttur Maniġerjali Bettina Azzopardi qalet li dan il-proġett jirrifletti l-viżjoni tal-kumpanija li toħloq post ta’ akkomodazzjoni u rikreazzjoni mill-aktar modern u komdu fiċ-ċentru tal-Belt Valletta.