Mara Ta’ 50 Sena Tindarab Gravi F’Inċident Tat-Traffiku F’Marsaskala
Mara ta’ 50 sena ġarrbet ġrieħi gravi wara li lbieraħ kienet involuta f’inċident tat-traffiku f’Wied il-Għajn.
L-inċident seħħ għall-ħabta tal-4.30 p.m. fi Triq il-Qaliet meta seħħet ħabta bejn Isuzu Trooper, li kienet qed tinstaq minn raġel ta’ 48 sena, u Toyota Vitz, li kienet qed tinstaq minn raġel ta’ 37 sena. Fl-Isuzu kien hemm ukoll il-mara ta’ 50 sena.
Membri tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili u tim mediku taw l-ewwel għajnuna u ambulanza ħadet lill-mara l-Isptar Mater Dei għall-kura.
Aktar tard ġiet iċċertifikata li sofriet ġrieħi gravi.
Żewġ vetturi li kienu pparkjati ġarrbu xi ħsarat kawża ta’ dan l-inċident.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.