Attenti: Il-Pulizija Twissi B’Telefonati Qarrieqa

 Attenti: Il-Pulizija Twissi B’Telefonati Qarrieqa

Fi stqarrija mill-Uffiċċju tal-komunikazzjoni fi ħdan il-Korp, intqal li l-Pulizija qiegħda tappella lill-pubbliku għal aktar attenzjoni dwar scams li qegħdin jiżdiedu minn ġurnata għall-oħra. Dan hekk kif fl-aħħar jiem komplew jidħlu rapporti ta’ telefonati qarrieqa minn persuni anonimi, li issa qed jgħidu li huma pulizija.

Din it-telefonata, li hi messaġġ irrekordjat bl-Ingliż u qiegħda ssir minn numri lokali, tgħid li hija mill-Korp tal-Pulizija ta’ Malta u tinforma lill-persuna li tirċievi t-telefonata li hemm attività suspettuża fuq il-kont tal-eID tagħhom, jew li hemm mandat t’arrest f’isimhom. Il-messaġġ imbgħad jidderieġi lil min jirċievi t-telefonata biex jagħfas in-numru “1” u jsegwi l-istruzzjonijiet addizzjonali u f’dal-mument tittieħed l-informazzjoni personali.

Fl-aħħar ġimgħa, is-Cyber Crime Unit assista f’aktar minn 150 rapport li għamlu persuni li nfurmaw lill-Pulizija dwar dawn it-telefonati qarrieqa. Waqt li l-maġġoranza tal-persuni li tkellmu mal-Pulizija ma waqgħux għall-iscam, sfortunatament kien hemm persuni li taw id-dettalji tagħhom u ġew iffrodati.

L-istqarrija qalet li l-Pulizija qiegħda terġa’ tfakkar lill-pubbliku fil-parir li tat fi stqarrija preċedenti, dwar messaġġi qarrieqa b’sms jew email. Il-Pulizija qiegħda taħdem id f’id mal-opearturi tattelefonija sabiex jiġu identifikati dawn it-telefonati/messaġġi qarrieqa.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com