“Lanqas Għall-Funeral Tagħha Ma Kien Baqalha Flus” – Anzjana Misruqa Minn Min Fdat
Mara b’kattiverija u ħażen tat l-impressjoni lil anzjana ta’ 85 sena li riedet tieħu ħsiebha, mentri ħaditilha kulma kellha. Dan ħareġ mis-sentenza tal-Qorti fil-konfront ta’ Doris Borg, li fost l-oħrajn kienet mixlija li bejn Jannar u Ottubru tal-2016 serqet karta ta’ kreditu t’anzjana u għamlet qligħ t’aktar minn €5,000 b’dannu għall-istess anzjana.
Fi stqarrija l-mara tammeti li ħadet il-flus u kienet lesta troddhom lura. “Ara x’ħadt jien għalija u nagħtihomla. Imma lanqas huwa sew għax dak li għamilt magħha kien ta’ xejn”. Minkejja dan, il-mara baqgħet ma kkumpensatx lill-anzjana.
Il-Qorti tqis li l-anzjana, filwaqt li kienet xi drabi tgħaddi l-karta ta’ kreditu tagħha lil Borg biex tiġbdilha ammonti ta’ flus għall-ispejjeż tagħha, qatt ma tat il-kunsens tagħha sabiex din tintuza għall-ispejjez personali ta’ Borg. Jidher li l-imputata meta kienet tagħmel spejjeż għaliha nnifisha, m’użatx il-pin number tal-imsemmija karta ta’ kreditu, iżda iffirmat għal kull transazzjoni.
L-anzjana qatt ma kienet taħseb li Borg, minflok tagħmlilha pjaċir kienet fil-verità qiegħda tisfrutta l-vulnerabilità tagħha. Minflok għenitha, il-mara ħadmitha u serqitha. Minflok ħadet ħsieb l-anzjana, jidher li l-mara ħadet ħsieb tagħha nnifisha billi nefqet flus l-anzjana biex ħallset kontijiet ta’ kapriċċi tagħha, cable tat-televiżjoni, telefowns ċellulari, nuċċali, żraben, trattamenti ta’ sbuħija, xirjiet u saħansitra xiri ta’ vettura armata bl-extras b’kollox!
Fil-Qorti ħareġ li minflok Borg proteġiet lill-anzjana, li kull ma kien fadlilha f’ħajjitha kienu ftit flus imġemma għall-funeral tagħha, ħaditilha kull ma kellha.
Fis-sentenza tal-Qorti joħroġ ċar li l-Qorti ma tistax tinjora l-biki li bkiet l-anzjana meta saret taf li lanqas għall-funeral tagħha ma kien baqalha flus, u kienet ingannata u misruqa minn min kienet fdat u tgħożż.
Il-Maġistrat Frendo Dimech ikkonkludiet li għalkemm ma ġiex pruvat li Borg serqet il-karta ta’ kreditu tal-anzjana, mill-provi li tressqu quddiem il-Qorti jidher li l-akkużata nefqet flus mill-kont bankarju tal-anzjana għall-spejjeż personali. Borg instabet ħatja ta’ ħasil ta’ flus meta xtrat karozza bi flus li kienet taf li ġejjin minn minn serq.
Il-Qorti tikkundanna lil mara għall-sentejn priġunerija, sospiżi għall-erba’ snin u timmultaha €25,000.
Il-Maġistrat Frendo Dimech qalet li “Aktar ma jgħaddi żmien sfortunatament qed nirriskontraw aktar każijiet ta’ l’hekk msejjha elderly financial exploitation jew elder financial abuse and fraud. Miżuri bħal l-użu ta’ prepaid debit cards u skrutinju ta’ transazzjonijiet biex jiġi assigurat li l-użu ta’ card partikolari hi konsonanti w konsistenti mal-istil ta’ ħajja tal-card holder, għandhom jibdew jingħataw aktar importanza hekk kif rapporti dejjem jiżdiedu dwar anzjani w persuni vulnerabbli li jiġu misruqa, ffrodati u mċaħħda minn dak li tul ħajjithom ikunu ħaddmu qattiegħ għalih! Il-bank innisfu – anke b’miżati appożiti għal tali servizz – jista’ jkun strumentali biex jipproteġi klijenti tiegħu minn persuni bla skruplu. Malli l-bank jiddentifika transazzjonijiet suspettużi, anke bl-assistenza tal-Pulizija u fejn meħtieġ tal-Active Ageing and Community Care Directorate, għandu jiġi mgħarraf u mitkellem il-klijent.”
Ritratt: Video Hive