Jammetti Mal-Pulizija, Iżda Fil-Qorti Wieġeb Mhux Ħati Li Qatel Żagħżugħ B’Daqqiet Ta’ Sikkina Fil-Marsa
Amo Frank Kwaku, raġel ta’ 25 sena mill-Ghana residenti l-Marsa wieġeb mhux ħati li qatel lil Isaac Kwabena Kyere żagħżugħ ta’ 23 sena mill-Ghana. Huwa tressaq il-Qorti akkużat bi qtil volontarju ta’ żagħżugħ ta’ 23 sena mill-Ghana, li żammu kontra l-volonta tiegħu, li ġarr arma mingħajr liċenzja, li m’obdiex l-ordnijiet tal-Pulizija u li kiser il-paċi pubblika. Il-Pulizija qalet li fl-interrogazzjoni l-akkużat ammetta li qatel iż-żagħżugħ.
Il-każ seħħ bejn fil-lejl ta’ bejn il-Ħamis u l-Ġimgħa li għadda fil-Marsa. Matul dak il-lejl iż-żagħżugħ inqatel kiesaħ u biered bi tliet daqqiet ta’ sikkina f’sidru. Is-suspettat ewlieni ta’ dan il-qtil, raġel ta’ 25 sena mill-Ghana ġie arrestat ftit wara d-delitt fil-Marsa stess wara li ġie identifikat mill-pulizija.
Il-qtil seħħ fi Triq il-Ġerrejja meta nqala’ argument bejn żewġt irġiel, b’wieħed minnhom jitħalla mixħut għal tulu fuq il-bankina wara li qala’ tliet daqqiet ta’ sikkina. Il-Pulizija qalet li l-vittma nstab f’għadira demm, mixħut wiċċu ‘l fuq u mitluf minn sensih. It-tentattivi li saru mill-infermiera u t-tobba fuq il-post kienu inutli hekk kif iż-żagħżugħ miet ftit wara.
Fil-Qorti ma saret ebda talba għall-ħelsien mill-arrest, bil-Maġistrat Rachel Montebello ordnat li jinżamm arrestat.